Il-promozzjonijiet għal Supretendenti

Il-Korp tal-Pulizija jista’ jkompli bil-proċeduri tal-ħatriet. L-Ispettur Jeffrey Cilia jitlef ukoll l-appell

L-Ispettur Jeffrey Cilia li bħalissa jinsab sospiz mid-doveri tiegħu. Ritratt arkivji
L-Ispettur Jeffrey Cilia li bħalissa jinsab sospiz mid-doveri tiegħu. Ritratt arkivji

Il-proċess biex numru ta’ Spetturi jsiru Supretendenti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija mistenni jkompli wara li l-Ispettur Jeffrey Cilia tilef ukoll l-Appell.

Cilia kien ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Intern fejn sostna li fit-23 ta’ Diċembru tal-2011 kien ġie sospiż mix-xogħol minħabba proċeduri ta’ każ penali u li jinvolvi allegazzjoni ta’ ferita gravi fuq persuna. Wara li l-ewwel Qorti ċaħdet din it-talba wara li qieset li Ciulia fil-fatt ingħata l-opportunitá japplika għal grad ta’ Suprentendent, iżda, għar-raġunijiet tiegħu, hu ma applikax, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Frar il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri flimkien mal-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph Azzopardi, ċaħdet l-appell ta’ Jeffrey Cilia u kkonfermat is-sentenza tal-ewwel Qorti.

Cilia lmenta li minħabba li kien sospiż ma setax japplika għal promozzjoni għall-grad ta’ supretendent li nfetaħ fid-9 ta’ Awwissu, 2013. Qal li mhux talli ma applikax peress li jinsab sospiż, talli lanqas ġie notifikat bħalma ġew notifikati spetturi oħrajn b’mod personali. 

Fil-protest ġudizzjarju tiegħu, Cilia talab biex titwaqqaflu s-sospensjoni tiegħu mill-Korp tal-Pulizija u biex jingħata l-awtorizzazzjoni li japplika ħalli jifforma parti mill-ispetturi li jingħataw il-promozzjoni ta’ supretendenti.

Il-Qorti tal-Appell fis-sentenza tagħha qalet fil-fatt Cilia ngħata l-opportunitá li japplika għal grad ta’ suprentendent, iżda għar-raġunijiet tiegħu, hu ma applikax. Skont Jeffrey Cilia kien ikun inutili li japplika għall-kariga ta’ Supretendent kif xtaq, jekk kien sospiz mill-qadi ta’ dmirijietu.

Il-Qorti, iżda, ma taqbilx ma’ din is-sottomissjoni. Cilia talab li jitqies eligibbli li jipparteċipa fl-eżerċizzju ta’ selezzjoni għal grad ta’ suprentendent, u għalkemm għall-ewwel ma kienx ikkunsidrat għal dak l-eżercizzju, l-Ewwel Qorti, fuq talba tal-istess Cilia, ordnat il-ħrug ta’ mandat ta’ inibizzjoni li, in effett, kienet iżomm lill-Korp tal-Pulizija milli jissokta bil-proċess tal-għażla qabel Cilia jitħalla jitfa’ l-applikazzjoni tiegħu huwa wkoll. Fid-dawl ta’ dan, l-awtoritá kompetenti reġgħet ikkunsidrat l-pożizzjoni tagħha u Cilia ġie mistieden biex jitfa l-applikazzjoni tiegħu u ngħata żmien xieraq biex jagħmel dan. Din l-istedina kienet approvata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC) iżda Cilia xorta naqas milli jipprevalixxi ruħu minn din l-offerta li saritlu.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell ma tistax tqis li kieku Cilia tefa’ applikazzjoni din kienet tkun “inutili” kif allega Cilia. L-Ispettur Cilia talab li jitħalla japplika, ingħata, ċ-ċans u baqa’ ma għamel xejn.

Il-Qorti tal-Appell ma taħsibx li Cilia stess talab xi ħaġa ‘inutili’, u darba dak li talab ingħatalu, ma jistax issa iqis l-opportunitá li ngħatatlu bħala pass ‘inutili’. Barra minn dan, darba li hu ma applikax, il-Qorti ma tistax tqis it-trattament li seta’ ingħata mill-bord tal-għażla, u ma tistax tevalwa l-każ tiegħu. Lanqas ma ġie muri l-kuntrarju għal dak li ssottomettew il-konvenuti, dak li uffiċjal li jkun sospiż jista’ jintgħażel wara proċess ta’ selezzjoni bil-promozzjoni tiegħu tibqa’ miżmuma għalih sakemm jiġi reintegrat fis-servizz pubbliku, jekk ikun il-każ.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Qppell qalet ukoll li l-proċess ta’ selezzjoni tal-gradi ta’ supretendenti kien miftuħ għal kwalunkwe riżultat, u Cilia ma kienx muri l-“karta l-ħamra”, kif allega hu stess, u mwarrab minħabba s-sospensjoni tiegħu mill-Korp. Bl-aġir tiegħu stess, Cilia tilef l-opportunitá li jitqies għal promozzjoni f’dan l-istadju, u għamlet sew l-ewwel Qorti li ċahdet it-talba relattiva.

Jeffrey Cilia għamel ħażin li “assuma” dawn l-affarijiet u jibqa’ l-fatt li kellu l-opportunitá u ħallieha tgħaddi, qalet il-Qorti tal-Appell fis-sentenza.

Issa wieħed jistenna li l-proċess biex madwar 12-il Spettur isiru Supretendenti, jitkompla minn fejn twaqqaf. Huwa mifhum li hemm proċedura legali li ġeneralment tieħu xi ftit jiem biex jitwaqqaf il-mandat.

Bħalissa dawk l-Ispetturi li kienu applikaw u li bdew bil-proċeduri biex isiru Supretendenti, qegħdin jissejħu “Officers in charge”.

 

More in Qrati u Pulizija