[Aġġornat bir-ritratti] Omm tmur tgħin il-binha jibdel puncture u tispiċċa f'għalqa u f'periklu tal-mewt

Omm marret biex tgħin lil binha u spiċċat fil-periklu tal-mewt. Sewwieq ta' 21 sena miżmum mill-Puliizja

It-Toyota li kienet fiha l-mara.
It-Toyota li kienet fiha l-mara.
Ix-xena tal-inċident blil-karozza taż-żagħżugħ tidher f'nofs it-triq.
Ix-xena tal-inċident blil-karozza taż-żagħżugħ tidher f'nofs it-triq.

Aġġornament

Minn stħarriġ li kompla jagħmel illum.com.mt jirriżulta li l-mara, Catherine Fenech ta’ 41 sena minn Birkirkara fil-ħin tal-inċident marret biex tgħin li binha.

Ftit tal-ħin qabel, Ismael Fenech, iben Catherine kien għadu kif infaqalu tyre tal-karozza tiegħu u l-omm marret biex tgħinu. F’ħin minnhom il-mara marret iġġib xi ħaġa mill-karozza tagħha u kif kienet fil-karozza ġiet karozza oħra minn wara, VolksWagen Golf misjuqa minn Emerson Vella ta’ 21 sena mill-Marsa li baqa’ dieħel b’impatt qawwi fit-Toyota tal-omm.

L-impatt kien tant qawwi li Catherine Fenech inbeżqet mill-karozza u spiċċat f’għalqa. Ismael Fenech u Emerson Vella ma ġralhom xejn. Huwa mifhum li Vella baqa’ jinżamm mill-Pulizija biex ikun konfermat jekk kienx taħt l-influwenza tal-alkoħol jew xi sustanzi oħrajn meta kien qed isuq.

B’dan l-inċident ġiet informata l-Maġistrat Dr Doreen Clarke li ordnat inkjesta u ħatret lit-Tabib Forensiku Mario Scerri, it-Tekniku Joseph Zammit, il-Perit Richard Aquilina u l-Prokuratur Legali Mario Buttigieg. L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Jean Farrugia flimkien mas-Surġent Victoria Fenech Buentempo tad-Distrett.


Iktar kmieni...

Matul il-lejl li għadda għall-ħabta tas-siegħa u nofs (01.30hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Dun Karm, L-Imsida (B’Kara bypass) minħabba li kien seħħ inċident tat-traffiku.

Mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post ġie nnotat li vettura tal-għamla Toyota Paseo kienet fuq ix-xellug tat-triq tħares lejn Birkirkara u vettura oħra tal-għamla Volkswagen Golf kienet f’nofs ta’ triq tħares lejn l-Imsida.

Minn iktar stħarriġ li sar irriżulta li ġuvni ta’ 21 sena, residenti l-Marsa kien qiegħed isuq il-Volkswagen fid-direzzjoni lejn l-Imsida u għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura u kellu impatt mal-vettura l-oħra (Toyota) li f’dak il-ħin kienet ipparkjata fil-ġenb tal-istess triq.  Jidher li mad-daqqa, il-vettura li kienet ipparkjata daret u l-mara li kien hemm ġo fiha ħarġet u spiċċat f’għalqa li hemm fil-ġenb tat-triq. 

Il-mara li għandha 41 sena u residenti B’Kara ittieħdet l-Isptar Mater Dei permezz ta’ Ambulanza sabiex tingħata l-kura meħtieġa.  Iktar tard hija ġiet iċċertifikata li tinsab fil-periklu tal-mewt. Filwaqt li l-ġuvni ta’ 21 sena ma sofra l-ebda ġrieħi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Clarke LL.D li ordnat li ssir inkjesta fejn ġew maħtura diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Qrati u Pulizija