Negozjant jinqatel bi tmien tiri ta’ pistola fl-2013

Wieħed mis-suspettati jinqatel ukoll b’tiri ta’ arma tan-nar

 

il-katavru ta' Ronald Galea
il-katavru ta' Ronald Galea

Ronald Galea ta’ 65 sena minn Birkirkara kien lest minn ġurnata xogħol u kien se jagħlaq il-kanċell tal-fabbrika tiegħu f’Ħal Far meta xi ħadd mar minn warajh u spara diversi tiri u ħallih mejjet fl-art. Qtil li kien ippjanat sew minn qabel - fejn wieħed mis-suspettati nqatel hu wkoll sena u nofs wara.

L-ewwel omiċidju fl-2013

Il-qtil kiesaħ u biered ta’ Ronald Galea seħħ nhar it-Tnejn, 18 ta’ Frar 2013. Kollox jindika li l-qattiel kien għamel xi ħin jistenna lil Galea barra l-fabbrika tal-vittma stess u kif kien dahru lejh sparalu mill-inqas tmien tiri ta’ pistola mill-qrib.

Dan l-ewwel omiċidju għas-sena 2013 seħħ għall-ħabta tal-4.40 p.m. meta Galea kien għadu kif għalaq il-fabbrika tiegħu bl-isem ta’ “Continental Meats Co. Ltd”. Il-fabbrika tinsab f’numru HF11 fil-Qasam Industrijali ta’ Ħal-Far, limiti ta’ Birżebbuġa, u tipproċessa, timanifattura u tbigħ prodotti tal-ikel l-aktar prodotti tal-laħam.

Kif kien jagħmel kuljum fi tmiem il-ġurnata ta’ xogħol, Ronald Galea saq il-karozza tiegħu, Ford Mondeo, minn quddiem il-fabbrika, ħareġ mill-kanċell u waqaf. Galea reġa’ ħareġ mill-karozza fejn ħalla l-magna tagħti biex mar jagħlaq il-kanċell. Miegħu ħareġ ukoll Ronnie Aquilina, li kien jaħdem bħala skrivan fil-kumpanija ta’ Galea, biex imur ukoll lejn id-dar. Aquilina baqa’ jistenna lil Galea qrib il-kanċell u kif rah li ħareġ il-karozza fit-triq, Aquilina kien se jitlaq ukoll.

Kif Galea għamel ftit passi resaq lejh raġel minn wara u sparalu mill-inqas tmien tiri ta’ pistola x’aktarx semi-awtomatika ta’ kalibru 9mm. Galea niżel fl-art fuq il-ġenb tiegħu n-naħa tax-xellug imdawwar bi skrataċċ tal-balal li kienu sparati mill-qattiel. Minkejja li ntlaqat minn diversi tiri, Galea ma mietx mill-ewwel.

Wara li wettaq id-delitt, il-qattiel daħal f’karozza Toyota Vitz kulur il-fidda u ħarab minn fuq il-post. Galea ntlaqat f’dahru u f’partijiet oħra ta’ ġismu b’dawk fatali jkunu f’qalbu u fil-pulmun. Mhux it-tiri kollha laqtu lil Ronald Galea.

Ronnie Aquilina kien għadu fil-viċinanzi u kif sema’ l-isparaturi, dar u ra raġel b’wiċċu mgħotti b’balaklava u rah dieħel f’karozza u dan saq b’veloċità eċċessiva. Huwa ddeskriva lill-allegat qattiel ta’ sieħbu bħala raġel ta’ statura medja u li kellu bejn 28 sena u 30 sena li ħarab minn fuq il-post b’karozza Toyota Vitz.

 Aquilina ħalla kollox u reġa’ mar ħdejn Galea u kif rah fl-art ċempel għall-għajnuna, fosthom għall-ambulanza.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Jerry Attard u wara waslu wkoll dawk mill-Iskwadra tal-Mobile.

Peress li Galea deher li kien għadu qed jieħu n-nifs, issejħet l-għajnuna medika fejn marret ambulanza b’tim mediku, iżda minkejja li l-ambulanza waslet fi ftit minuti sfortunatament Galea kien iċċertifikat mejjet fuq il-post. Huwa kien iċċertifikat mejjet minn Dr Martina Falzon miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.

L-istorja sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Qrati u Pulizija