Wieħed mis-suspettati jinqatel ukoll b’tiri ta’ arma tan-nar

Negozjant jinqatel bi tmien tiri ta’ pistola fl-2013  

Il-katavru ta’ Ronald Galea
Il-katavru ta’ Ronald Galea

Ronald Galea ta’ 65 sena minn Birkirkara kien lest minn ġurnata xogħol u kien se jagħlaq il-kanċell tal-fabbrika tiegħu f’Ħal Far meta xi ħadd mar minn warajh u spara diversi tiri u ħallih mejjet fl-art. Qtil li kien ippjanat sew minn qabel - fejn wieħed mis-suspettati nqatel hu wkoll sena u nofs wara.

L-ewwel omiċidju fl-2013

Il-qtil kiesaħ u biered ta’ Ronald Galea seħħ nhar it-Tnejn, 18 ta’ Frar 2013. Kollox jindika li l-qattiel kien għamel xi ħin jistenna lil Galea barra l-fabbrika tal-vittma stess u kif kien dahru lejh sparalu mill-inqas tmien tiri ta’ pistola mill-qrib.

Dan l-ewwel omiċidju għas-sena 2013 seħħ għall-ħabta tal-4.40 p.m. meta Galea kien għadu kif għalaq il-fabbrika tiegħu bl-isem ta’ “Continental Meats Co. Ltd”. Il-fabbrika tinsab f’numru HF11 fil-Qasam Industrijali ta’ Ħal-Far, limiti ta’ Birżebbuġa, u tipproċessa, timanifattura u tbigħ prodotti tal-ikel - l-aktar prodotti tal-laħam.

Kif kien jagħmel kuljum fi tmiem il-ġurnata ta’ xogħol, Ronald Galea saq il-karozza tiegħu, Ford Mondeo, minn quddiem il-fabbrika, ħareġ mill-kanċell u waqaf. Galea reġa’ ħareġ mill-karozza fejn ħalla l-magna tagħti biex mar jagħlaq il-kanċell. Miegħu ħareġ ukoll Ronnie Aquilina, li kien jaħdem bħala skrivan fil-kumpanija ta’ Galea, biex imur ukoll lejn id-dar. Aquilina baqa’ jistenna lil Galea qrib il-kanċell u kif rah li ħareġ il-karozza fit-triq, Aquilina kien se jitlaq ukoll. 

Kif Galea għamel ftit passi resaq lejh raġel minn wara u sparalu mill-inqas tmien tiri ta’ pistola x’aktarx semi-awtomatika ta’ kalibru 9mm. Galea niżel fl-art fuq il-ġenb tiegħu n-naħa tax-xellug imdawwar bi skrataċċ tal-balal li kienu sparati mill-qattiel. Minkejja li ntlaqat minn diversi tiri, Galea ma mietx mill-ewwel. 

Wara li wettaq id-delitt, il-qattiel daħal f’karozza Toyota Vitz kulur il-fidda u ħarab minn fuq il-post. Galea ntlaqat f’dahru u f’partijiet oħra ta’ ġismu b’dawk fatali jkunu f’qalbu u fil-pulmun. Mhux it-tiri kollha laqtu lil Ronald Galea.

Ronnie Aquilina kien għadu fil-viċinanzi u kif sema’ l-isparaturi, dar u ra raġel b’wiċċu mgħotti b’balaklava u rah dieħel f’karozza u dan saq b’veloċità eċċessiva. Huwa ddeskriva lill-allegat qattiel ta’ sieħbu bħala raġel ta’ statura medja u li kellu bejn 28 sena u 30 sena li ħarab minn fuq il-post b’karozza Toyota Vitz.

 Aquilina ħalla kollox u reġa’ mar ħdejn Galea u kif rah fl-art ċempel għall-għajnuna, fosthom għall-ambulanza.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Jerry Attard u wara waslu wkoll dawk mill-Iskwadra tal-Mobile. 

Peress li Galea deher li kien għadu qed jieħu n-nifs, issejħet l-għajnuna medika fejn marret ambulanza b’tim mediku, iżda minkejja li l-ambulanza waslet fi ftit minuti sfortunatament Galea kien iċċertifikat mejjet fuq il-post. Huwa kien iċċertifikat mejjet minn Dr Martina Falzon miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.

Xena kommoventi kif waslu ulied il-vittma

Kif il-familja ta’ Ronald Galea ġew informati li kienet seħħet sparatura u li Galea kien intlaqat, marru żewġ uliedu fuq il-post. L-ewwel ma wasal kien ibnu Pierre, li dakinhar kellu 35 sena. Kienu mumenti kommoventi hekk kif Pierre ma setax jemmen li missieru kien mejjet. Huwa nstema’ jgħid “ma jistax ikun. Għaliex?”. Aktar tard wasal it-tieni iben ta’ Ronald, Karl li kellu 36 sena u żewġt aħwa dehru jgħannqu lil xulxin u jippruvaw jikkunslaw wieħed lill-ieħor.

Fi ftit ħin bdew jaslu diversi uffiċjali tal-Pulizija fosthom l-Assistent Kummissarju Pierre Calleja, illum Deputat Kummissarju, is-Supretendent Silvio Valletta, illum Assistent Kummissarju  u l-Ispettur Anthony Cachia mid-DIK u l-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud. 

Ftit tal-ħin wara marru wkoll l-Assistent Kummissarju Raymond Zammit, illum ukoll Deputat Kummissarju, is-Supretendenti Raymond Vella Gregory u Sandro Gatt flimkien mal-Ispettur Kevin Pulis tad-Distrett. 

Kif sar magħruf x’tip ta’ karozza kien qed jagħmel użu minnha l-qattiel, il-Pulizija tal-Mobile bdew bi tfittxija f’diversi nħawi ta’ Malta fejn għamlu road blocks iżda la l-karozza u lanqas il-qattiel ma dehru imkien.

Dawra fl-inħawi għal kameras tas-sigurtà

Mingħajr ebda ħjiel ta’ xejn u l-ebda sinjal tal-karozza u s-sewwieq, il-Pulizija, kemm dawk mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u tad-Distrett, għamlu dawra mal-fabbriki biex jaraw minn kellu nstallat cameras tas-sigurtá bit-tama li minn xi waħda minnhom, jew aktar, setgħu jiddentifikaw il-karozza u aktar importanti l-qattiel. 

Sfortunatament dan l-eżerċizzju ma kien ħalla ebda riżultati pożittivi. L-uniku persuna li kien hemm fl-inħawi kien l-iskrivan tal-kumpanija, li ma setax jagħti aktar ħjiel tal-qattiel minn dak li ra.

…il-Pulizija elevaw mill-inqas tmien skrataċċ li kienu mifruxin fl-art - uħud minnhom qrib il-katavru ta’ Galea.

L-ewwel investigazzjonijiet fuq ix-xena tar-reat 

Peress li sakemm kienet għadha għaddejja l-investigazzjoni kien leħaq dalam, il-Pulizija ġabu vettura armata b’dawl apposta biex b’hekk l-uffiċjali tax-xena tar-teat setgħu jkomplu jinvestigaw u jelevaw kull traċċa u evidenza li seta’ ħalla warajh il-qattiel u li b’xi mod setgħet kienet ta’ għajnuna għall-investigaturi.

Fil-fatt il-Pulizija elevaw mill-inqas tmien skrataċċ li kienu mifruxin fl-art uħud minnhom qrib il-katavru ta’ Galea. Il-Pulizija elevaw ukoll il-karozza, Ford Mondeo, tal-vittma.

Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Edwina Grima, kienet informata u ordnat inkjesta. Hija ħatret diversi esperti fosthom it-tabib forensiku Mario Scerri, il-Perit Richard Aquilina li marru fuq il-post tad-delitt. Magħhom inħatru wkoll il-pulizija tal-ballistika kif ukoll Martin Bajada biex jeżamina l-filmati li kienu elevati minn kameras tas-sigurtà. 

Wara li tlesta l-aċċess, li dam sejjer għal ħin twil, il-katavru ta’ Galea ttieħed bil-hearse tal-Pulizija lejn il-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei fejn l-għada saret l-awtopsja. 

Mill-awtopsja rriżulta li l-balal li ntlaqat bihom Galea ma ħarġux u kien għalhekk li madwar il-katavru ma kienx hemm dmijja tant li d-demm li ħareġ kien biss minn ħalqu. 

X’aktarx inqatel għax kellu jieħu ammont ta’ flus

Persuni li jafu sew lil vittma qaluli li Ronald, li kien magħruf minn dawk qrib tiegħu bħala “Ronnie ta’ Maria”, kien raġel tal-affari tiegħu u sa fejn jafu huma qatt ma kellu nkwiet ma’ ħadd. Kien jikkopera ma’ kulħadd u kien bniedem li jafda ħafna u dħuli. Kellu karattru li jiġbed lin-nies lejh. 

Ibnu Pierre kien qal lil pulizija li ma seta’ jaħseb f’ħadd li ried joqtol lil missieru għax missieru ma kellux għedewwa.

“Mhux eskluż li l-mottiv wara l-qtil tiegħu għax kien tolleranti u anke ġeneruż”, qalli sors qrib il-Korp tal-Pulizija.

In-negozju li kellu f’Ħal Far kien li jimporta l-laħam u  jqassam lil diversi klijenti l-aktar dawn li jbigħu l-prodotti tal-laħam. Huwa fatt magħruf li Galea kellu jieħu xi flus minn diversi persuni imma dawn kienu flus li għandhom x’jaqsmu man-negozju tal-kumpanija li kien imexxi. Il-klijenti kienu jħallsu għalkemm kien hemm wieħed li tella’ somma ta’ madwar €54,000 f’dejn, u bir-raġun Galea, irrikkora biex jagħmel diversi talbiet biex jiġbor dak li kien tiegħu kemm bid-dritt kif ukoll legalment.

Għaldaqstant waħda mit-teżi li investigaw il-Pulizija kienet li min kellu interess li jelimina lil Ronald Galea biex jeħles minn dejn kbir.

Il-katavru ta’ Ronald Galea jidher bejn il-karozzi
Il-katavru ta’ Ronald Galea jidher bejn il-karozzi

Arrestat negozjant ieħor

Wieħed minn dawk li l-pulizija wrew interess fih, kien wieħed mill-klijenti li kellu Galea u li kellu eluf kbar ta’ kontijiet pendenti.

Dan kien Jonathan Pace ta’ 30 sena minn Ħal Għaxaq u li kien residenti l-Fgura. Pace kien magħruf bħala ta’ “Tyson Butcher” u li anke huwa spiċċa vittma meta f’Awwissu tas-sena l-oħra nqatel ukoll b’tiri ta’ arma tan-nar. 

Kien allegat li Pace kellu kont kbir pendenti mal-vittma. Minn aktar stħarriġ sibt li Pace u martu kienu wkoll tressqu l-Qorti f’Jannar 2013 peress li tellgħu kont ta’ aktar minn €54,000 ma’ Galea. Dan l-ammont kien dovut għal prodotti ta’ laħam li Pace xtara mingħand Galea biex ibigħu mill-ħanut tiegħu.

Pace u martu kellhom diversi kontijiet pendenti, mhux biss mal-kumpanija “Continental Meats Co. Ltd” ta’ Ronald Pace, imma wkoll ma’ stazzjonijiet tax-xandir fejn kien jirreklama u waqgħu lura fil-ħlas. Fil-fatt il-koppja Pace anke tressaq il-Qorti reklami mhux imħallsin. 

Fit-28 ta’ Novembru, 2013, il-Qorti wara li rat id-dikjarazzjoni ta’ Jonathan Pace, li ppreżenta fis-17 ta’ Ġunju, 2013 fejn iddikjara li kien waqaf milli jħallas id-djun tiegħu, u għalhekk xtaq li jiddikjara ruħu fi stat ta’ falliment.

Wara li rat id-dokumenti li ġew ippreżentati, u ħadet konjizzjoni tad-dikjarazzjonijiet li sarulha, il-Qorti ddikjarat li Jonathan Pace waqaf mill-ħlasijiet tiegħu u għalhekk daħal  fi stat  ta’ falliment  b’effett  mit-12  ta’ Novembru, 2013.

Barra d-dejn li kellu ma’ Ronald Galea, Pace kellu jagħti aktar minn €90,000 lill-istazzjon Nazzjonali, il-PBS, f’reklami. 

Għaldaqstant il-Pulizija kienu marru fir-residenza ta’ Pace fil-Fgura biex ikellmuh dakinhar filgħaxija stess li nqatel Galea. Meta staqsew għalih, mart Pace qalet lill-Pulizija li żewġha ma kienx Malta u li kien jinsab Sqallija. Iżda l-investigaturi ma kinux konvinti li Pace verament kien imsiefer. 

L-għada tard wara nofsinhar Pace nġabar mill-Pulizija u ttieħed il-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija fejn ġie interrogat, iżda huwa nħeles mill-arrest peress li l-Pulizija qatt ma kellha prova li biha setgħu jpoġġu lil Pace fuq ix-xena tal-qtil jew li kellu xi konnessjoni mal-omiċidju ta’ Ronald Galea u suspetti, serji kemm huma serji, ma kinux biżżejjed biex jitressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta’ Ronald Galea.

Il-Pulizija tkellmu ma’ xi persuni oħrajn fid-Depot tal-Pulizija anke fil-preżenza tal-Maġistrat Inkwerenti Dr Edwina Grima biex jistabbilixxu l-mottiv u x’seta’ wassal għal dan il-qtil premedidat. 

It-triq fejn inqatel Ronald Galea
It-triq fejn inqatel Ronald Galea

Kummenti fuq Facebook minn ibnu, Pierre Galea

L-għada li Ronald Galea nqatel, martu kellha tiċċelebra għeluq żmienha. Fuq is-sit soċjali Facebook Pierre poġġa dan il-messaġġ għal ommu.

“Ma, ma nafx kif ħa naqbad ngħidlek happy birthday f’ġurnata daqshekk kerha f’ħajjitna. Ftakar dejjem li l-papà qiegħed il-ġenna żgur jitlob għalik u għalina llkoll u ħa jibqa’ jħarisna u jieħu ħsiebna bħalma dejjem għamel kull ġurnata ta’ ħajtu. Inħobbok Ma.”

Sena wara, fit-18 ta’ Frar 2014, Pierre kiteb hekk “Pa, għaddiet sena minn mindu tteħidt minna. Minn dak il-jum ħajti nbidlet u kelli nieħu postok u nispera li nagħmlek kburi bijja. Ma kienx hemm ġurnata waħda li ma ħsibtx fik, tkellimt miegħek, tlabt għalik u anke tlabtek għal pariri li b’xi mod int dejjem sibt mezz kif tibgħatli sinjal biex tigwidani kif dejjem għamilt meta kont għadek ħaj.”

Matul dawn is-sentejn Pierre baqa’ jpoġġi messaġġi oħrajn li kollha jindikaw kemm il-familja Galea hija magħquda.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Qrati u Pulizija