Il-ġurija li kienet qed tisma' l-każ ta' Michael Emmanuel m'emmnitx it-talba tiegħu biex jinħeles fuq bażi ta' insanità. Il-ġurija iddeċidiet dan bi tmien voti, kontra wieħed.
Issa tista' tkun deċiża d-data ta' meta se jibda jinstema l-każ ta' dan ir-raġel li qed ikun akkużat bil-qtil tal-għarusa tiegħu, Maria Lourdes Agius. Din il-mara kienet instabet fgata fl-appartament tagħha f'Raħal Ġdid f'Settembru 2018.
Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qalet li mhux kull tip ta' mard mentali iwassal għal stat ta' insanità, kif definita bil-liġi. Hija qalet illi d-difiża trid tipprova li meta l-akkużat wettaq l-att ma kienx kapaċi jikkontrolla r-riżultati tal-azzjoni tiegħu.
Innotat kif l-akkużat irrifjuta l-għajnuna legali u kien falla milli jidher il-qorti l-ewwel darba għax kien qed jinżamm fi sptar ta' saħħa mentali.