Karmenu Fino, Salvu Bonniċi u Doaa Kasem … ‘Irrapportaw mill-ewwel; F’siegħa jistgħu jiġru ħafna affarijiet’

Il-pulizija tieqaf tfittex persuni li ilhom irraportati nieqsa snin twal? Il-familja tigi notifikata meta jinstab kadavru? Għaliex il-pulizija ma sabitx lil Nicholas Camilleri? Iwieġeb is-Supretendent tal-iskwadra Vice dwar il-persuni rraportati nieqsa f’Malta

Il-Malti jgħid li min jistenna jithenna, imma mhux f’dan il-każ. Fil-fatt l-ILLUM iltaqgħet mas-Supretendent tal-Iskwadra Vice fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, Johann Joseph Fenech, li stqarr li f’każijiet meta persuna tgħib jew taħrab huwa kruċjali li l-ħbieb jew qraba jagħmlu rapport minnufih. Tant hu hekk li insista li, “aktar kemm wieħed iħalli l-ħin jgħaddi, aktar jonqos iċ-ċans li nsibu lill-persuna n-nieqsa. Jaf ikun tard wisq”.  

L-ILLUM tkellmet mas-Supretendent fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar sentejn, għadd ta’ persuni ġew irrapportati nieqsa u sa issa għadhom ma nstabux. B’mod partikolari, fost l-aktar każi riċenti hemm dawk taż-żagħżugħa ta’ 17-il sena Doaa Kasem, l-anzjan ta’ 70 sena Salvu Bonnici u l-anzjan ta’ 83 sena Karmenu Fino li eventwalment instab mejjet f’għalqa f’Birżebbuġa u ġie identifikat din il-ġimgħa wara diversi testijiet.  

Fil-każ, ta’ Fino, ir-rapport dwar l-għibien tiegħu sar disa’ sigħat wara li ntlemaħ għall-aħħar darba, minn fuq il-kameras, ħiereġ mir-residenza San Vinċenz de Paule. 

“Fil-każ ta’ Fino, l-investigazzjonijiet bdew minnufih minn meta daħal ir-rapport li l-anzjan kien nieqes. Kull minuta hija essenzjali. Wieħed m’għandux għalfejn joqgħod jistenna lil dik il-persuna tirritorna. F’dawk is-sigħat jistgħu jiġru ħafna affarjiet.” Hekk qal Fenech, meta mistqosi jekk id-dewmien fir-rappurtar tal-każ ta’ Fino setax tellef l-investigazzjoni u t-tfittxija għalih. 

‘Il-Pulizija ma tieqaf tfittex qatt’  

Il-Pulizija ma tieqaf tfittex qatt lil dawk il-persuni li jiġu rraportati nieqsa. Fil-fatt is-Supretendent insista li l-file tal-persuna ma jingħalaq qatt, sakemm ma tinstabx.  

Huwa saħaq li f’każi ta’ persuni rraportati nieqsa għal snin twal tkun aktar diffiċli għalihom biex isibuhom. “Wara ċertu żmien jaf ma jkollniex indikaturi ġodda u nkunu eżawrejna l-possibilitajiet kollha meħtieġa biex insibu lil dik il-persuna. Minkejja li ma jkunx għadu daqstant attiv, qatt ma jitqiegħed fuq l-ixkaffa,” qal Fenech.  

Minkejja dan huwa saħaq li jkun hemm każi uniċi fejn tidħol xi informazzjoni ġdida xhur wara u l-każ jingħata spinta. Iżda reġa’ tenna li min-naħa tal-Korp, il-każ ma jkun solvut qatt sakemm ma tinstabx il-persuna.  

‘Il-familji tal-persuni neqsin qatt ma ninsewhom’  

“Meta jkollna ħjiel li l-katavru li jkun instab jista’ jkun li hi dik il-persuna rraportata nieqsa, il-familja tiġi notifikata mal-ewwel,” stqarr Fenech. Huwa saħaq li tul l-investigazzjoni kollha, il-familja dejjem tingħata prijorità u għaldaqstant tibqa’ tiġi aġġornata ma’ kull żvilupp.  

Jisħaq li jekk jinstab katavru fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni u għaldaqstant ikollu bżonn jiġi identifikat permezz tad-DNA, jinħatar espert li b’kawtela javviċina l-familja biex jittieħed kampjun tad-DNA u b’hekk ikunu jistgħu iqabbluh ma’ dak tal-katavru.  

“Eventwalment issir l-awtopjsa, però biex jiġi identifikat, irridu nieħdu kampjuni tad-DNA biex inqabblu mal-fdalijiet.” Hawn huwa spjega li biex jittieħdu l-kampjuni, wara li jinstab il-katavru u jsir ir-rapport uffiċjali fl-għassa tad-distrett, jinħatar Maġistrat u dan eventwalment jaħtar l-esperti. “Dan isir ukoll biex jiġi stabbilit jekk hemmx sinjali ta’ vjolenza fuqu. Sussegwentament din tindika jekk dan kienx każ ta’ mewta naturali jew omiċidju,” żied jgħid Fenech.  

Hawn huwa fakkar li l-iskwadra Vice - liema skwadra taqa’ taħt il-kappa tiegħu - tgħin lill-Pulizija tad-Distrett tul dan il-proċess. Dan b’mod speċjali jekk ikunu involuti l-minuri, persuni vulnerabbli u l-anzjani, “jiġifieri l-aktar każijiet sensittivi.” 

Jekk persuna tiġi nieqsa u misjuba għal diversi drabi, ma taħsbux li dan il-fatt għandu jkun investigat 

Hawn l-ILLUM tkellmet ma’ Fenech dwar dawn il-persuni li kienu rraportati nieqsa diversi drabi,  iżda eventwalment dejjem instabu. L-ILLUM tistaqsih x’jiġri f’dawn il-każi. Fil-fatt, fl-aħħar snin Malta kellha każ bħal dan. Tfajla ta’ 16 -il sena ġiet irrapurtata nieqsa u misjuba għal aktar minn ħames darbiet.  

Xogħol il-Pulizija ma jiqafx biss malli l-persuna tinstab anzi, “kull persuna li nsibuha wara li ġiet irrapportata nieqsa dejjem inkellmuha, anke jekk ikun każ ta’ persuna li għamlitha darba biss. Jista’ jkun li persuna taqbżilha, tkun għaddejja minn żmien diffiċli u tiddeċiedi li trid tqatta ħin waħedha,” spjega Fenech.  

Saħaq li dejjem jaraw jekk għandhomx bżonn assistenza medika, kif ukoll għajnuna minn professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali. “Dan kollu nagħmluh aktar u aktar jekk ikun każ repetut. F’dak il-każ nagħtu aktar attenzjoni. Aħna dawn it-tip ta’ każi neħduhom bis-serjetà ħafna, iżda jekk imbagħad ikun każ repetut, nagħtuh aktar attenzjoni għax jaf ikun hemm xi ħaġa għaddejja minn taħt,” żied jgħid Fenech.  

Ritratt mill-arkivji
Ritratt mill-arkivji

‘Meta ma nsibuhomx ħajjin, għalija qisni tlift il-battalja’  

Mistoqsi jekk hemmx każ partikolari li żgur se jibqa’ jiftakar, huwa pront qal li ma kienx hemm wieħed partikolari. Minkejja dan b’sens ta’ dieqa fuq wiċċu qal li kull każ ta’ persuna nieqsa li ma jsibuhiex ħajja, għalih hija telfa kbira. Tant hu hekk li qal li meta jsibu xi katavru u jikkonfermaw li hi l-persuna nieqsa jgħid li għalih qisu tilef il-battalja u jkollu dieqa kbira. “Ftit li xejn ikollna każi hekk, imma dawk l-aktar li jweġġawni,” qal Fenech. 

‘Meta persuna rraportata nieqsa nsibuha mejta, għalija nkun qisni tlift il-battalja’ Is-supretendent Johann J Fenech

Fenech irrimarka li meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, il-gżejjer Maltin huma pjuttost żgħar iżda imbagħad meta wieħed jipprova jfittex persuna, “Malta issir enormi. Pajjiżna għandu ħafna widien. Aħna m’għandniex xogħol faċli minkejja li għandna drones, klieb u l-Forzi Armati ta’ Malta li jassistuna fit-tfittxija.”  

Żied jgħid li hemm il-perċezzjoni li s-sinjali tal-mobiles jindikaw bl-eżatt fejn il-persuna tinsab iżda fil-verità, din mhijiex ir-realtà. Spjega li l-mobiles jagħtu idea ta’ f’liema żona jista’ jkun li tinsab il-persuna. “Ikollna din l-indikazzjoni biss jekk il-mobile ikun mixgħul jew attiv. Ikun hemm min jitfih għaliex ma jkunx irid li jistab. Ġieli jkollok ħjiel li qiegħed fit-tramuntana ta’ Malta mentri jkun fin-nofsinhar. Il-persuna tkun taf x’qed tagħmel,” qal Fenech.  

‘Aħna konna hemm u konna qrib ħafna, iżda laħaq sabu ibnu’  

Kważi xahrejn ilu Malta inħasdet bil-każ ta’ Nicholas Camilleri, ir-raġel  ta’ 55 sena li “kien vittma tal-falliment fis-sistema tal-kura tas-saħħa” u li nstab bla ħajja f’bini abbandunat f’Għajn Tuffieħa minn ibnu stess, Daniel Nicholas Camilleri.  

Camilleri kien ilu rrapportat għal xi jiem, fil-fatt il-Pulizija kienet qiegħda twettaq diversi tfittxijiet fl-akwata fejn kienet instabet il-karozza tiegħu fl-entratura tal-Park tal-Majjistral. Daniel Camilleri, f’intervista mal-Malta Independent kien saħaq “fi 15-il minuta irnexxieli nsibu minkejja li kienet ir-responsabilità tal-Pulizija li ssibu.”  

Propju fuq hekk l-ILLUM tistaqsi x’kien ġara fil-każ ta’ Camilleri. Fenech stqarr li kienu għamlu minn kollox biex isibuh, inkluż li jduru maż-żona tal-Majjistral bil-mixi. “Ma jfissirx li aħna speċjali u infallibli, aħna nagħmlu xogħolna mill-aħjar li nistgħu iżda ma jfissirx li nkunu nafu dejjem fejn huma moħbijin. Fil-verità aħna konnha hemm u konna qrib ħafna.”  

‘Kull informazzjoni li nirċievu tista’ tkun kruċjali’  

Fl-aħħar ta’ din l-intervista Fenech stqarr li xtaq li jagħmel appell. Huwa saħaq mal-ILLUM li kull tip ta’ informazzjoni li jirċievu jaf tkun kruċjali.  

“Aħna ma nistgħux inkunu f’kull post f’kull ħin tal-ġurnata, imma n-nies iva. Jistgħu iċemplu b’mod anonimu. Kull informazzjoni tgħodd, anke jekk ikollhom dubju. Aħna mbagħad ninvestigaw,” qal Fenech.  

Għalhekk huwa appella li jekk xi ħadd jara lil xi ħadd li jaħseb li huwa persuna rrapportata nieqsa, jistgħu iċemplu jew imorru l-eqreb għassa. Apparti minn hekk wieħed jista’ jċempel lid-Depot fuq 21224001. 

“Mingħajr din l-għajnuna diffiċli aktar biex insibuhom għax irid ikollok xi ħaġa fuq xiex taħdem biex tieħu azzjoni. Kieku ma jkollokx, fejn se taqbad tfittex?”, temm jistaqsi s-Supretendent Johann Fenech.  

More in Qrati u Pulizija