L-awtoritajiet qed jinvestigaw każ ta’ vandaliżmu li seħħ fuq Bieb il-Bombi wara li xi ħadd pinġa graffiti sewda fuq dan is-sit storiku.
Kmieni t-Tlieta filgħodu persuni lemħu graffiti sewda bil-kitba “I love you Dali” fuq Bieb il-Bombi. Il- Ministeru responsabbli għall-Wirt Nazzjonali ħabbar li flimkien mal-Pulizija u s-Supritendent tal-Wirt Kulturali qed jaħdmu flimkien.
Intat, il-Ministeru responsabbli kkundanna l-att ta’ vandaliżmu li sar u qalu li l-graffiti se jitneħħa minnufih. “Il-wirt kulturali ta’ pajjiżna jagħtina identità, u għalhekk il-Gvern huwa kommess li jissalvagwardja u jipproteġi l-wirt kulturali tagħna; sabiex nippreservaw dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin” temm jgħid il-Ministeru.