Passiġġiera tweġġa' gravi wara li s-sewwieq tilef il-kontroll

L-inċident tat-traffiku seħħ fi Triq Villabate Ħaż-Żabbar hekk kif żagħżugħ ta’ 18-il sena tilef il-kontroll u ħabat ma’ vettura li kienet ipparkjata, miegħu fil-karozza kien hemm żewġ tfajliet u ġuvni 

Il-Ħadd, għall-ħabta tat-8:30pm, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti Ħaż-Żabbar kien qiegħed isuq karozza, tilef il-kontroll u ħabat ma’ vettura li kienet ipparkjata.

Flimkien maż-żagħżugħ kien hemm ukoll żewġ tfajliet u ġuvni, kollha għandhom 17-il sena u residenti l-Marsa, Raħal Ġdid u Ħaż-Żabbar rispettivament.

Il-persuni involuti ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u tfajla minnhom ittieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura, fejn ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.

More in Qrati u Pulizija