Tifla ta’ 11-il sena sofriet ġrieħi gravi wara li kienet involuta f'inċident tat-traffiku.
Filgħodu għall-ħabta tas-sebgħa, il-Pulizija rċiviet telefonata rigward inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Fisher, l-Imġarr. Uffiċjali tal-Pulizija u tabib ta’ l-emerġenza taw l-ewwel assistenza medika lil tifla, li mill-investigazzjonijiet preliminari jirriżulta li t-tifla intlaqtet minn Peugeot 308 li kienet misjuqa minn raġel ta’ 55 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Tim mediku kompla jassiti lit-tifla u wara ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji. Aktar tard ix-xufier tal-vettura ttieħed ukoll l-Isptar minħabba xokk.
Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici kien infurmat bl-inċident u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.