Moħħ b’saħħtu f’ġisem b’saħħtu…
L-ILLUM iżżur Dar Kenn Għal Saħħtek, li tieħu ħsieb il-kura psikoloġika, fiżika, nutrizzjonali u soċjali ta’ nies li jsofru minn diżordni tal-ikel
More in Socjali
L-ILLUM iżżur Dar Kenn Għal Saħħtek, li tieħu ħsieb il-kura psikoloġika, fiżika, nutrizzjonali u soċjali ta’ nies li jsofru minn diżordni tal-ikel
Madwar 2% tal-poplu Malti, li jammonta għal kważi 2,000 persuna, isofru minn xi forma ta’ diżordni tal-ikel.
Dan ħareġ minn stħarriġ li għamlet il-Fondazzjoni Kenn Għal Saħħtek, fit-tħejjijiet tagħhom qabel ma fetħu d-dar għar-rijabilitazzjoni għal persuni b’diżordni tal-ikel.
L-ILLUM tkellmet ma’ Dr. Anton Grech, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni, waqt żjara f’Dar Kenn Għal Saħħtek fl-Imtarfa, fejn spjega li l-għan tal-fondazzjoni, u l-iskop ewlieni tad-dar huwa t-trattament ta’ kundizzjonijiet ta’ diżordni tal-ikel.
Huwa spjega kif dawn il-kundizzjonijiet ivarjaw minn estremi opposti, fejn fuq naħa minnhom hemm il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-obeżità, li fiha nnifisha tpoġġi lil dak li jkun f’perikli serji għas-saħħa fiżika, u fl-estrem l-ieħor hemm id-diżordnijiet tal-bulimia u l-anoressija.
F’Dar Kenn Għal Saħħtek jieħdu ħsieb l-edukazzjoni, l-psikologija, n-nutrizzjoni u l-eżerċizzju fiżiku
Bħala fondazzjoni li jieħdu ħsieb id-diżordni tal-ikel, Dar Kenn Għal Saħħtek hija biss iċ-ċentru għall-kura u r-rijabilitazzjoni ta’ min jitlob trattament, iżda x-xogħol tal-fondazzjoni jmur lil hinn mill-kura. Jagħti importanza kbira lill-edukazzjoni u t-tagħrif ukoll. Infatti mill-istħarriġ li għamlet il-fondazzjoni, deher ukoll li hawn nuqqas ta’ għarfien dwar dawn il-kundizzjonijiet.
Il-Fondazzjomi Kenn Għal Saħħtek qed tipprepara biex tħejji kampanja nazzjonali dwar l-għarfien dwar id-diżordni tal-ikel, speċjalment dwar l-obeżità fit-tfal.
Il-filosofija tal-fondazzjoni ma’ tibbażax fuq l-ikel biss. L-ikel huwa parti mill-aspetti psikoloġiċi u soċjali tal-persuna. Il-kampanja se tkun immirata għal stil ta’ ħajja komplut li jindirizza mhux biss l-ikel, iżda kull aspett ieħor li jikkontribwixxi għal ħajja sana.
L-anoressija u l-bulimia huma riżultati ta’ kundizzjonijiet psikjatriċi
Kemm l-anoressija kif ukoll il-bulimja huma kundizzjonijiet fiżiċi li dejjem ikunu assoċjati ma’ kundizzjonijiet psikjatriċi bħall-ansjetà jew id-dipressjoni. Minħabba n-natura psikjatrika tal-problemi li jkunu qed jgħaddu minnhom il-pazjenti, it-trattament għal dawn id-diżordnijiet mhux wieħed dirett jew sempliċi immirat lejn in-nutrizzjoni. Dr. Grech spjega li fil-każi ta’ bulimia u anoressija, it-tobba u l-psikjatri fiċ-ċentru, l-ewwel iridu jitrattaw id-dipressjoni qabel ma jibda t-trattament tad-diżordni nnifisha.
Madwar 15% tal-każi ta’ anoressija jwasslu għall-mewt jekk ma jiġux trattati. Dan minħabba l-fatt li fl-estremità tal-kundizzjoni, l-organi interni tal-persuna jieqfu jaħdmu minħaba n-nuqqas ta’ nutrizzjoni.
Filwaqt li l-anoressija hija aktar faċli biex tinduna biha, minħabba li l-persuna li tkun tbati minnha tkun tidher eċċessivament irqiqa u mhux f’saħħitha, il-bulimia hija ħafna aktar difficli biex tidentifika għax l-effetti fiżiċi jdumu ħafna ma jidhru. Dan għaliex min ikollu l-bulimia, bil-kuntrarju tal-anoressiċi li ma jieklu xejn, ibati minn attakki ta’ aptit li jiffanga fl-ikel u jagħmel dak li jissejjaħ ‘binge eating’, biex wara ftit, jisforza lilu nnifsu jtella’ dak kollu li jkun kiel. Fuq perjodu ta’ żmien, dan il-proċess jagħmel ħsara lis-sistema diġestiva tal-vittma, il-griżmejn u anke s-snien.
L-anoressija u l-bulimia huma l-aktar komuni fost in-nisa
Minħabba li fis-soċjetà moderna, ħafna żgħażagħ, speċjalment tfajliet, jidolizzaw atturi, kanatanti u mudelli popolari, u l-media soċjali żżid pressjoni biex tidher sabiħ, irqiq u sexy fis-selfies li taqsam mad-dinja kollha fuq l-internet, il-bulimia u l-anoressija, speċjalment fi tfajliet ta’ bejn is-16 u t-18-il sena, saru żewġ kundizzjonijiet komuni ħafna b’riżultat tal-ansjetà u dipressjoni li din il-pressjoni li tkun irqiqa u sabiħa qed iġġib fuqhom.
Malta għandha l-ogħla rata ta’ tfal obeżi minn 40 pajjiż fl-Ewropa
Stastistika allarmanti turi li t-tfal Maltin huma l-aktar obeżi minn 40 pajjiż Ewropew li ħadu sehem fi stħarriġ uffiċjali.
F’Dar Kenn Għal Saħħtek jiġu trattati adulti u anke żgħażagħ bi problemi ta’ obeżità, li ħafna drabi tkun ilha ġejja minn meta l-persuna tkun għadha żgħira, u għalhekk, qal Dr.Grech, huwa tajjeb li l-obeżità tiġi indirizzata sa minn età żgħira permezz ta’ edukazzjoni u għarfien dwar il-kundizzjoni u l-effetti negattivi li tħalli fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwu, kemm fiżikament, psikoloġikament u soċjalment