Meta x-xitan jittanta u s-sħana tilħaq il-kwaranta
Mewġa ta’sħana ‘Luċifru’ tolqot l-Ewropa b’temperaturi jilħqu l-43 grad Celsius ġewwa Spanja u l-Kroazja
More in Socjali
Mewġa ta’sħana ‘Luċifru’ tolqot l-Ewropa b’temperaturi jilħqu l-43 grad Celsius ġewwa Spanja u l-Kroazja
Hija ħaġa tajba li Awwissu la tarah u lanqas tmissu, għaliex il-bidu tiegħu laqqagħna mat-tielet mewġa ta’ sħana għal dan is-sajf. Matul it-tmiem il-ġimgħa li għadda, l-uffiċċju meteoroloġiku rrapporta li l-ogħla temperatura laħqet it-38 grad Celsius. Imma fil-fatt is-sħana kienet tinħass iktar minn hekk, madwar 42 grad Celsius. Jiġifieri dak it-tgergir kollu dwar is-sħana kien kollu ġġustifikat!
Sabiex noffru daqsxejn ta’ konsolazzjoni, tajjeb li wieħed jinnota li m’aħniex l-unika pajjiż li qed nesperjenzaw dawn it-temperaturi stratosferiċi, hekk kif mewġa ta’ sħana mlaqqma ‘Luċifru’ laqtet l-Ewropa kollha bir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Balkani jkunu l-iktar reġjuni fil-mira kiefra tagħha.
B’riżultat ta’ dan diversi każijiet ġew rappurtati fil-midja internazzjonali, hekk kif din it-temperatura estrema ħolqot ħruq kbir f’diversi foresti fi Spanja u l-Albanija. Iżda mhux biss, hekk kif fl-Italja ġie rrapportat li f’diversi dwieli kellu jsir il-ħsad tal-għeneb ġimgħat qabel min kif kien pjanat li jseħħ.
Similarment fil-Bożnija-Ħerzegovina dawn it-temperaturi kienu ta’ ħsara kbira għall-agrikoltura, settur li jagħmel parti sostanzjali mill-ekonomija tal-istess pajjiż. Dan minbarra mir-rapporti oħra ta’ żewġ persuni li mietu, wieħed fil-Polonja u wieħed fir-Rumanija b’kaġun ta’ temperaturi għoljin.
Għalhekk din il-ġimgħa Meteoalarm, servizz onlajn li joffri tiswijiet f’każ ta’ temperaturi estremi madwar l-Ewropa, ħabbar ‘red alarm’ l-ogħla livell ta’ twissija kontra temp estrem, li kien indirizzat lejn aktar minn 10 pajjiżi fl-Ewropa.
Fl-istqarrija li ħareġ matul tmiem il-ġimgħa, l-uffiċċju meteoroloġiku ħabbar numru ta’ twissijiet indirizzati lill-pubbliku ġenerali fosthom twissijiet dwar l-importanza li tiġi evitata x-xemx partikolarment bejn il-11:00 u l-16:00. Għandhom jiġu evitati wkoll bosta xarbiet alkoħoliċi u dawk li jkunu mimlijin zokkor u kaffeina filwaqt li huwa rrakkomandat li jinxtorob ammont konsiderevoli ta’ ilma.
Min-naħa l-oħra b’riżultat ta’ battalja intensiva kontra temperaturi għoljin fid-djar tal-Maltin, reġa’ ġie rrappurtat ksur ta’ rekord ieħor ta’ konsum ta’ elettriku, hekk kif f’Lulju l-konsum kien laħaq 447 megawatt, fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu dan tela’ għal 460 megawatt.
Il-fenomenu ta’ temperaturi għolja u mewġiet ta’ sħana f’pajjiżna kien diġà rraportat lura fl-24 ta’ Awwissu tal-2016, meta l-ILLUM tkellmet mal-eks Kap tal-uffiċċju meteoroloġiku; Charles Galdies li kien wissa li din is-sena ser ikollna temperaturi ‘ogħla min-normal’. L-eks assistent dirretur għall-protezzjoni tal-ambjent fil-MEPA kien saħansitra qal illi Malta riesqa lejn diżastru ekoloġiku b’nuqqas ta’ ‘ilma li ser iwassal għall-proċċess ta’ deżertifikazzjoni.
L-aħħar darba li L-Ewropa esperjenzat xenarju simili kien lura fl-2003 meta mewġa kbira ta’ sħana ħasdet lill-Ewropa, hu kkalkulat li kienet ħalliet madwar 20,000 persuna mejta madwar il-kontinent.