Ġimgħa wara Sylvia tibqa’ fid-dlam

L-istorja tagħha qajjmet furur però Sylvia tibqa’ bla ġustizzja, għalissa.

Ritratt | Sylvia Camilleri
Ritratt | Sylvia Camilleri

L-ILLUM żvelat il-każ xokkanti ta’ Sylvia Camillieri, l-omm ta’ 62 sena li minħabba dijanojsi żbaljata kellha tbati minn bosta problemi ta’ saħħa, fosthom dawk ta’ saħħa mentali.

Ftit ħin wara li ġiet ippubblikata din l-istorja kienu propju t-tfal ta’ Sylvia li wrew l-apprezament tagħhom lill-gazzetta ILLUM, hekk kif huma ħassew sodisfazzjon kbir li xi ħadd fl-aħħar sema’ l-għajta ta’ ommhom, għajta li għal żmien twil kienet injorata saħansitra mill-awtoritajiet.

Fuq l-istess tema tul il-ġimgħa li għaddiet, kienu bosta ħbieb, qraba u qarrejja ta’ din il-gazzetta li ssimpatizzat ma’ Sylvia, b’għexirien ta’ kummenti indirizatti lejn l-awtoritajiet sabiex issir ġustizzja magħha.

Intant din il-gazzetta waslulha stejjer ġodda, fosthom każ ta’ mara, li għal diversi snin kienet iċċertifikata b’marda komuni meta f’testijiet ftit snin wara rriżulta li kien kanċer li tħalla jikber.

F’kummenti mal-ILLUM, Sylvia qalet li baqgħet ma rċeviet l-ebda tip ta’ komunikazzjoni għal diskussjoni mill-awtoritajiet ikkonċernati. B’hekk il-punt oriġinali tal-istorja, biex sa fl-aħħar, l-awtoritajiet ikkonċernati jagħmlu emenda fir-rekords mediċi ta’ Sylvia se tkompli tiġi mtawla. Fil-ġimgħat li ġejjin din il-gazzetta se tkompli ssegwi, tindaga u tiżvela iktar stejjer dwar dijanjosi żbaljati li qed jaffettwaw ċittadini Maltin u Għawdxin.

Sylvia Camillieri, kienet iċċertifikata li kellha l-marda tal-Addison, meta fil-fatt minn rapport mediku ftit żmien wara rriżulta li dan ma kienx minnu.

Persuna li sfortunatament tbati minn dil-marda, ikollha tibda tieħu l-isteroids sabiex tissostitwixxi l-ormoni neċessarji nieqsa. Fost il-mediċina preskritta lilha kien hemm, Fludrocortisone u Hydrocortisone.

Jekk wieħed jaqra l-karta annessa mal-pilloli faċli jara lista kbira ta’ effetti sekondarji tal-marda li jibdew minn; pressjoni għolja, telf tal-vista, bidliet fil-burdata u saħansitra anke sentimenti ta’ dipressjoni. Iżda Sylvia għamlet żewġ testijiet eleborati, f’laboratorji lokali kif ukoll barranin. Dan irriżulta mit-tnejn li huma li kellhom riżultat negattiv għall-marda tal-Addison. 

Sylvia sal-ġurnata tal-lum, għadha għadejja bi ‘ġlieda’ mal-awtoritajiet ikkonċernati, dan għaliex huma baqgħu qatt m’emendaw ir-rekords mediċi tagħha meta din uriethom evidenza ċara li hi veru ma tbatix mill-marda tal-Addison.

More in Socjali