‘Il-vjolenza domestika ma’ tafx klassi...ġieli kellna CEOs hawnhekk’
Minn nisa tad-dar sa’ inġiniera...il-vittmi li marru Dar Merħba Bik u skoprew lilhom infushom mill-ġdid
minn Albert Gauci Cunningham
Anna kienet ġejja minn familja sinjura. Kienet mara ta’ karriera u flimkien ma’ żewġha kienu jidhru li qed jgħixu ħajja ta’ suċċess. Madanakollu, għal diversi snin, hija kienet qed tgħix f’gidba hekk kif sabet ruħha tostor il-vjolenza li kienet qed issir f’darha. Meta ntebħet li ma setgħetx issib tarf tas-sitwazzjoni, Anna tkellmet ma’ qrabatha imma dawn ma kienux t’għajnuna. Huma saħansitra widdbuha biex ma tfittix il-kenn f’Dar Merħba Bik ħalli tevita li ġġib il-familja f’ħalq in-nies jew li tbaxxi r-reputazzjoni tagħhom.
Għal tliet darbiet, rabbiet biżżejjed kuraġġ biex issuq lejn ir-rifuġju ta’ Ħal-Balzan. Iżda kull darba waqfet sa wara l-bieb u wara bikja twila, irritornat lejn darha.
Sakemm jum minnhom irrealizzat li dil-problema ma kinetx biss traġedja personali tagħha imma li kienet qed taffetwa lil uliedha wkoll. Kien hemm li Anna ħasset li messet il-qiegħ u ħadet deċiżjoni ferma li tbiddel ħajjitha. Hija ġabret ‘l uliedha magħha, saqet lejn ir-rifuġju u finalment ħabtet il-bieb.
“Dil-ġimgħa rċevejt telefonata mingħand Anna biex tirringrazzjana tal-għajnuna kollha li tajniha. Saħqet li aħna konna l-eroj tagħha għaliex li kieku ma kienx għalina, ma kien se jirnexxilha qatt tirkupra ħajjitha lura. Naturalment messaġġ bħal dan jiswa daqs l-aqwa premju. Però l-verità hi li l-eroj f’din l-istorja hija Anna nnifisha meta ddeċidiet li twaqqaf is-sitwazzjoni li kienet għaddejjha minnha u ssib biżżejjed saħħa u kuraġġ biex tqum mill-ġdid fuq saqajha. Aħna konna biss dawk in-nies li nbuttajniha ‘l quddiem tul dak il-perjodu ta’ dlam f’ħajjitha,” stqarret Elaine Pavia, il-Kap ta’ Dar Merħba Bik.
Dar Merħba Bik huwa rifuġju ta’ ermerġenza u sservi biex mara ssib saqaf fuq rasha għal ftit taż-żmien wara li jkun seħħ xi abbuż fuqha. Apparti li noffru protezzjoni, l-għan ta’ dan il-post huwa li ngħinu lin-nisa biex jerġgħu jiksbu mill-ġdid il-fiduċja fihom infushom
“Dar Merħba Bik huwa rifuġju ta’ ermerġenza u sservi biex mara ssib saqaf fuq rasha għal ftit taż-żmien wara li jkun seħħ xi abbuż fuqha. Apparti li noffru protezzjoni, l-għan ta’ dan il-post huwa li ngħinu lin-nisa biex jerġgħu jiksbu mill-ġdid il-fiduċja fihom infushom u d-dinjità tagħhom. Permezz ta’ nies professjonali u ta’ servizzi ta’ counselling u terapija, dawn in-nisa jingħataw l-għajnuna biex jagħrfu l-potenzjal tagħhom u biex isiru indipendenti ħalli jkunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom.”
Kienet tibża’ ssajjar għalkemm kienet koka tajba
Martina kienet ġiet ridotta f’qoxra ta’ bniedma meta waslet f’Dar Merħba Bik. Ma kellha ebda fiduċja fiha nnifisha u kienet temmen bis-sod li ma tiswa għalxejn. Meta ntalbet issajjar għall-membri l-oħra ta’ ġor-rifuġju bħala parti mill-kontribut tagħha, hi sostniet li ma kinetx kapaċi. Kienet imbeżżgħa milli tipprova peress li għal bosta snin żewġha kien irrifjuta li jiekol l-ikel li ssajjar għax ma kienx jogħġbu. Kien jirrepetilha kuljum li kienet bniedma inutli sakemm finalment waslet biex emmnitu.
“Hekk kif ikkonvinċejna lil Martina biex tibda tmidd idejha fil-preparazzjoni tal-ikel, stajna nikkonfermaw li mhux talli kienet kapaċi ssajjar, talli fi ftit żmien bdiet tipprepara ikla bnina għar-residenti kollha tad-dar. Dan għenha biex tifhem aħjar l-abbuż li kien qiegħed isir fuqha u biex tiskopri mill-ġdid il-ħiliet tagħha.”
It-tmaqdir u t-tnaqqir li jieklok minn ġewwa
“Il-vjolenza domestika ma tikkonsistix biss fi swat imma anki f’moħqrija psikoloġika. Tmaqdir u tgħajjir kontinwu jnaqqar ftit ftit il-kunfidenza tal-persuna sakemm eventwalment ma jifdal xejn minnha u din tiġi kompletament dipendenti fuq l-aggressur tagħha. Il-kontroll u l-manipulazzjoni totali tal-persuna huma spiss il-mira ta’ dawn l-aggressuri. Kultant jeħtieġ biss mumenti ta’ nuqqas ta’ kunfidenza biex din il-vjolenza tibda, ġieli bla ma l-vittma tinduna. L-età jew il-pożizzjoni tan-nisa nvoluti f’każi bħal dawn huma rrelevanti. Hawnhekk kellna saħansitra avukati, tobba, CEOs ta’ kumpaniji, inġiniera eċċ.”
Tmaqdir u tgħajjir kontinwu jnaqqar ftit ftit il-kunfidenza tal-persuna sakemm eventwalment ma jifdal xejn minnha u din tiġi kompletament dipendenti fuq l-aggressur tagħha. Il-kontroll u l-manipulazzjoni totali tal-persuna huma spiss il-mira
“Idealment meta wieħed jara sinjali ta’ abbuż, għandu jfittex l-għajnuna immedjatament. Aktar ma jitħallew snin jgħaddu, iżjed tilħaq issir ħsara, kemm fl-aggressur u anki fil-vittma/i li jibdew jidraw ċertu mudell ta’ ħajja li jaf ikun diffiċli tinqala’ minnu u s-sitwazzjoni ssir irreparabbli. Speċjalment meta jkun hemm it-tfal fil-familja, li bla ma jridu jispiċċaw spettaturi tal-vjolenza domestika, huwa importanti ferm li nieħdu azzjoni f’waqtha u li nisħqu li atteġġjament bħal dan huwa inaċċettabbli. Sfortunatament jekk l-omm tippermetti li jsir l-abbuż fuqha bla ma tfittex l-għajnuna, jista’ jkun li wliedha jaħsbu li dik is-sitwazzjoni hija normali u ‘l quddiem huma stess jafu jsiru l-aggressuri jew il-vittmi ta’ azzjonijiet simili.”
“Għalkemm ikun tajjeb jekk mara jirnexxielha tmur lura d-dar u tirrikonċilja l-familja, dan mhux dejjem huwa possibbli. Aħna nikkwantifikaw is-suċċess ta’ mara, iktar milli li reġgħet marret id-dar u ġabret lill-familja tagħha, meta naraw li din qamet fuq saqajha u li saret indipendenti. Hawnhekk kellna każi fejn in-nisa ġewwa dan ir-rifuġju użaw dan iż-żmien ta’ tranżizzjoni biex jibdew xi kors li dejjem xtaqu, biex ikomplu jistudjaw u jiggradwaw, jew biex isibu xi mpjieg. Jekk persuna tkun trid tgħin ruħha, dan ir-rifuġju ser iwiżinha biex tirkupra l-fiduċja fiha nnifisha u biex tkun hi s-sid ta’ ħajjitha.”
Din il-ġabra ta’ esperjenzi u l-intervista ma’ Elaine Pavia saru minn Fiona Vella