Missierha kien jġiegħla torqod miegħu għarwiena
Wara tfulija kerha mimlija abbuż minn missierha Jade tispiċċa dipendenti fuq id-droga. Illum, minn San Blas, Jade titkellem...
minn Liam Carter
Bħala żagħżugħ ta’ 21 sena verament inħossni xxurtjat li twelidt f’epoka fejn minn età żgħira kont espost għall-edukazzjoni u l-għarfien dwar il-konsegwenzi li l-użu ta’ droga jġib miegħu.
Minkejja dan kollu l-ewwel darba li rajt, smajt u missejt il-konsegwenzi tal-effetti koroh li l-użu tad-droga jaf iġib fuq persuna kien propju din il-ġimgħa meta f’kamra kwieta qalb is-serenità li joffri ċ-ċentru ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ, tkellimt ma’ Jade* omm ta’ 30 sena, omm ta’ sebat itfal, omm li x-xewqa tagħha dejjem kienet li toffri lit-tfal tagħha l-antiteżi tan-niket u d-dulur li hi ġarrbet tul ħajjitha.
Jade mal-ILLUM, b’dieqa tirrakkonta l-episodji li fasslu t-tfulija tagħha, fejn il-vjolenza u d-droga kienu parti mir-rutina ta’ kuljum.
“It-tfulija tiegħi kienet mimlija uġigħ, biża u firda. Ommi telqet mid-dar meta jien kelli biss sitt snin, spiċċajna jien u ħuti ma’ missieri, missieri kien bniedem abbużiv li kellu l-problema tax-xorb, kien issawwatna kuljum.”
Jade tirrakkonta kif ġieli għamlu tlett ijiem imsakkrin f’kamra mingħajr ikel u xorb u kif missierha kien jġegħelhom jorqdu għarwenin fis-sodda miegħu.
It-tfulija tiegħi kienet mimlija uġigħ, biża u firda
Ir-rakkont xokkanti, imma reali ta’ Jade jkompli jnissel dieqa hekk kif hi tkompli tirrakkonta episodji mit-tfulija tagħha.
“Niftakkarni ta’ 6 snin ngħin lil oħti, nissara maċ-ċinga biex tieħu 'hit'. Niftakarni nibki lil oħti biex tieqaf tieħu. Min jaf kemm qattajna ħin jien u hi fuq dak it-taraġ barra ċentru tad-'detox' nistennew fix-xemx jew il-ħin li qattajt ġol-karozzi fl-għelieqi qalb sħabha kulħadd jittaqqab.”
Intant, Jade kienet ukoll tieħu ħsieb lit-tarbija ta’ oħtha, li welldet fl-età żgħira ta’ 11-il sena. “Dik kienet it-tfulija tagħna”, temmet tgħid Jade.
Telqet mill-abbuż u daħlet f’ieħor
L-omm li issa ilha għal dawn l-aħħar 3 xhur issegwi l-programm ta’ riabilitazzjoni fi ħdan il-Caritas tkompli tiddeskrivi b’ċertu dettall il-vjaġġ li wassalha għall-vizzju tad-droga. “Ftit snin wara mort noqgħod għand oħti l-kbira li kienet qiegħda f’relazzjoni.”
Hawnhekk ix-xorti reġgħet ma daħqitilhiex lil Jade hekk kif għal darb’oħra kellha tgħaddi minn abbuż kontinwu. “Is-sieħeb ta’ oħti kien raġel abbużiv, kien jieħu d-droga u anke jiprostitwixxi lil oħti. Kelli ħdax-il sena u kien jġegħelni nara filmati pornografiċi bilfors. Kuljum kien jipprova jagħmel avvanzi sesswali però jien qatt ma ħallejtu, dejjem irreżistejt u għalhekk qlajt swat kbir.”
Darba fost l-oħrajn, Jade ma felħitx iżżomm aktar ġo fiha u għalhekk sabet lil oħtha u spjegatilha kollox,“ħaduni d-'depot' tal-Pulizija, iżda ommi ma ridetx tieħu passi kontrih. Kienet qaltli li għadni żgħira wisq. Jien qatt ma ridt li jiġru dawn l-affarijiet lili, xtaqt li nara xi forma ta’ ġustizzja ssir.”
It-tfulija għal Jade kienet biss dehxa kerha, “din l-esperjenza ġegħlitni nikber malajr,” saħqet Jade. “Oħti ma kinitx baqgħet tkellimni minħabba din l-esperjenza mal-għarus tagħha.”
Telqet mill-iskola u bdiet taħdem ta’ 14-il sena
Jade kienet waslet f’mument fejn ma felħitx tqajjem gwerra ma’ qrabatha u għalhekk iddeċidiet li ssib t-triq tagħha. “Bdejt naħdem ta’ 14-il sena, bdejt infalli ħafna skola, u fl-istess ħin dħalt f’relazzjoni ma’ ġuvni bil-għaqal u kellna tlett itfal. Ftit żmien wara sirt naf li l-għarus tiegħi għandu relazzjoni m’oħti u għalhekk tlaqt ngħix waħdi nħallas il-kera u nieħu ħsieb tlett itfal.
Ġieli ġbidna kilo coke fi tliet xhur
Ma stajtx immur naħdem għax kienu għandhom żgħar. Hi tkompli tispjega li lanqas refuġju fi ħdan ommha ma setgħet issib. “Ma bqajtx inkellimha, kont nara fiha r-raġuni li wasslet għal din il-familja mkissra; oħti tieħu, ħija jieħu. Ridt nimxi ’l bogħod mit-triq ta’ ommi, ridt nimxi mod ieħor.”
Snin wara Jade daħlet f’relazzjoni ma’ ġuvni ieħor li kienet ukoll tgħix miegħu. “Kien jieħu ħafna, kien ibigħ ukoll, kont nagħmel kollox; nqassam pakketti nagħti lil dak u lill-ieħor, però qatt u qatt ma ħadt. Kont wissejtu li ma rridx narah jieħu aktar. Dan waqa' fuq widnejn torox u spiċċajt tlaqtu, ġimgħa wara sirt naf li tqila bit-tarbija tiegħu, mort ngħidlu bl-aħbar, iżda lit-tarbija ċaħadha u ma riedx jaf biha,” qaltilna Jade.
“Ġieli anqas kilt jien, biex inmantni lit-tfal"
Minkejja dan kollu, Jade b’kuraġġ kbir għamlet disa' xhur waħedha tqila u trabbi t-tfal, “ġieli anqas kilt jien, biex inmantni lit-tfal u jkollhom saqaf fuq rashom; dawk huma r-raġuni għaliex ngħix.”
Ftit wara t-twelid tat-tarbija, Jade issa fl-età ta’ 23 sena u f’wieħed mill-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjitha, għelbitha l-kurżità u resqet lejn in-nar, id-droga, li bħan-nar taf toffri kenn meta wieħed ikun fis-solitudni. “Kont nara lil kulħadd joħroġ u jien imsakkra, għalhekk għal darba għidt ‘u iva’, dik id-darba mewtitli l-uġigħ li kont nħoss.”
M’hemmx għalfejn inkompli nispjega wisq għax hekk kif timxi l-prassi ta’ dawn l-istejjer, minn darba saru tnejn u minn tnejn, erbgħa u d-doża dejjem baqgħet tiżdied. Tant hu hekk li Jade, tirrakkonta li mas-sieħeb il-ġdid li kellha ġieli ġibdu kilo kokaina fi tliet xhur.
“Kont niġbed il-coke kullimkien, jekk qed insajjar, jekk qed insuq nitfa’ mal-ġenb u niġbed. Fid-daqqa u l-ħin bdejt niġi ħażin, bdejt niftakar fil-passat, fl-esperjenzi koroh allura dejjjem ridt iktar, ridt immewwet dak l-uġigħ li ġera warajja daż-żmien kollu.”
Jade tkompli tispjega kif ftit żmien wara biex tikkalma l-effett tal-kokaina daret għall-użu tal-eroina, “kont nittaqqab kmieni filgħodu biex meta jqumu t-tfal inkun kalma.”
Kont spiċċajt f’sitwazzjoni gravi, it-tifla tiegħi ta’ 11-il sena spiċċat l-omm, spiċċat tieħu ħsiebna kollha. Niftakar it-tifla l-kbira tibkili biex ma niħux
Meta ftit żmien wara spiċċaw il-flus, is-sieħeb tagħha ġegħelha tibda tiprostitwixxi ruħha. “Kif kont nasal fil-punt biex nagħmel dan kont nistaqsi lili nnifsi x’qed nagħmel, però mbagħad nieħu d-droga u ninsa kollox,” qaltilna Jade. L-istess sieħeb kien intbagħat il-ħabs biex jiskonta sentenza u għalhekk hi reġgħet spiċċat waħedha. “Kont spiċċajt f’sitwazzjoni gravi, it-tifla tiegħi ta’ 11-il sena spiċċat l-omm, spiċċat tieħu ħsiebna kollha. Niftakar it-tifla l-kbira tibkili biex ma niħux.”
Issib il-faraġ fil-Caritas
Però fi tmiem din l-istorja xejn feliċi, jidher li Jade sabet il-kuraġġ sabiex taffaċċja l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħha u tikkanċella l-vjaġġ qerriedi li kienet għaddejja minnu fid-dinja tad-drogi.
Imma f’dan il-punt Jade ħasset li kellha tagħmel xi ħaġa biex tbiddel ħajjitha għaliha u għal uliedha. Bid-dmugħ f’għajnejha tispjega kif u tibda,“fl-aħħar qomt u ħassejtni lesta sabiex inbiddel ħajti, ġbart lil uliedi u għedtilhom, uliedi tant kemm inħobbkom, li rrid nagħmel xi ħaġa. Se jkolli mmur nibda l-programm. Mort l-Appoġġ u għedtilhom li għandi bżonn l-għajnuna.”
Din l-istorja għal Jade hi tagħlima kbira, “inħares lura u narah bħala eżempju, jiddispjaċini ħafna li ma ħabbejtx lili nnifsi. Il-programm tal-Caritas għinni naċċetta problemi li ġibt jien b’idi stess. Dan kien proċess li kelli ngħaddi minnu. Kuntenta li qegħda hawnhekk għaliex hawn nies li jistgħu jifhmuk, nies li għaddew minn esperjenzi simili, titgħallem kuljum. Grata li qomt u grata li qegħda hawnhekk.”
Ir-riżoluzzjonijiet ta’ Jade għas-sena 2018 huma tnejn; li tkompli tieħu l-programm bis-serjetà u li tkun omm eżemplari. “Nilmaħhom ġejjin mill- bieb tal-ħġieġ meta jiġu hawn, inpoġġi quddiemhom u ngħidilhom aħfruli ta’ dak kollu li għaddejtkom minnu. Però nassigurakom intom mhux se tgħaddu minn dak li għaddejt jien.”
(*L-isem tal-mara ġie mibdul sabiex tiġi protetta l-identità tagħha)