Tattoos 'illegali' | 'Ma nistax nemmen li dawn l-affarijiet għadhom jiġru fl-2018'
Wara li dan is-sit żvela kif huwa illegali li tirreklama tattoos matul il-jum għax 'mhux diċenti għat-tfal'...nitkellmu ma' diversi persuni dwar din il-Liġi fl-Att dwar ix-Xandir
minn Liam Carter
Dak li fl-imgħoddi kien biss viżwal li tilmaħ fuq ġisem l-għadd ta’ baħrin li kienu jimbarkaw f’Malta, illum hu verament xena kommuni fis-soċjetà Maltija. Jidher biċ-ċar li t-tpinġija rnexxielha tintegra ruħha sew fil-moda. Mhux neċessarjament iżda, fil-liġi! Kien dan is-sit li żvela kif stazzjon privat lokali kellu jħallas multa ta’ €930 wara li ‘rreklama’ t-tpinġija.
Kienu ħafna dawk li fuq il-midja soċjali li esprimew il-ħsibijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni. Min jgħid li orrur u li pajjiżna għadu jgħix fi żmien id-dlam u min jgħid li l-Awtorità għamlet sew għax il-laxkezza m’hawnx postha.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi nies, fosthom eks membru tal-istess Awtorità tax-Xandir, preżentatur televiżivi u l-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli.
U bħal f’kollox mitt bniedem, mitt fehma.
“Ir-reklamar jista' jħajjar lill-ġenituri jagħlqu għajnejhom għall-effetti li tattoo tista' tħalli fuq uliedhom.”
Din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-Kummissarju tat-tfal, Pauline Miceli u staqsietha dwar jekk reklam tat-tpinġija, realment, iħallix effett negattiv fuq it-tfal li jkunu qegħdin isegwu x-xandira. Mal-ILLUM, Miceli spjegat li “fi żmien meta m'għadx hemm dik l-istigma fuq il-fatt li jkollok tattoo, ir-reklamar jista' jħajjar lill-ġenituri jagħlqu għajnejhom għall-effetti li t-tpinġija tista’ tħalli fuq uliedhom.”
Miceli sostniet li “t-tfal dejjem huma iktar vulnerabbli” u għalhekk hemm fis-seħħ il-liġijiet li ma jippermettux li r-reklamar dwar it-tpinġija jsir f'ħinijiet fejn it-tfal jistgħu jkunu qed isegwu.”
Apparti minn dan, skont il-Kummissarju tat-Tfal, “il-ġenituri jistgħu wkoll ma jkunux konxji li t-tpinġija fuq il-minuri huma illegali anke jekk ikollhom il-kunsens tal-ġenituri u għalhekk kemm iż-żgħar kif ukoll il-kbar għandu jkollhom għarfien sew tal-liġi u l-effetti li jistgħu jħallu fuq il-minuri.
“L-Awtorità għamlet dmirha”
L-ILLUM għamlet kuntatt ukoll ma’ Charles Mizzi eks membru tal-istess Awtorità tax-Xandir. Skont Mizzi l-Awtorità għamlet dmirha meta mmultat lill-istazzjon. “Ma jistax ikun tħalli kollox għaddej,” saħaq Mizzi. “L-Awtorità għandha xogħol importanti li trid twettaq. Jekk kienet se tagħlaq għajnejha f’dan il-każ imbagħad kienet toħloq lok ta’ preċedent. Reklamar dirett jew indirett dejjem se jħalli xi ftit effett fuq dawk li jkunu qed jarawh jew jisimgħuh,” temm jgħid Mizzi.
“Ma nistax nemmen li dawn l-affarijiet għadhom jiġru fl-2018”
Din il-gazzetta tkellmet ukoll mal-preżentatur popolari tal-programm xarabank Peppi Azzopardi. Mal-ILLUM Azzopardi kien pront jgħid li assolutament ma jistax jemmen li dawn l-affarijiet għadhom jiġru fl-2018. “B’dan l-argument qed ngħidu li aħna intristikament qed naraw it-tpinġija bħala xi ħaġa ħażina. Jiġifieri aħna nippermettu reklamar fuq affarijiet li jagħmlu l-ħsara bħal ‘junk food’ u xorb alkoħoliku imma mbagħad ma nippermettux reklam dwar it-tpinġija matul il-jum,” innota l-preżentatur.
Azzopardi kompla jgħid li allavolja hu m’għandux tpinġija, xorta waħda jqisha bħala arti, filwaqt li saħaq li l-edukazzjoni għandha tkun iċ-ċavetta f’dawn il-każijiet. “Nemmen li m’għandniex nirristrinġu, la reklamar tal-‘junk food’ u lanqas tat-tpinġija. Minflok għandna nedukaw lit-tfal tagħna fuq xi tfisser li jkollok tattoo, ngħallmuhom fuq il-permanenza tagħha u li mhix xi ħaġa faċli li tneħħi,” sostna Azzopardi. “Niftakar darba t-tifel ried jagħmel tpinġija, u jien ma kontx oġġezzjonajt. Biss kont wissejtu li din hi xi ħaġa permanenti. Pront, pront irrimarkali hekk; “Mhux anke ż-żwieġ permanenti u int xorta żżewwiġt.”
“X’inhu r-rwol tal-Awtorità tax-Xandir?”
Imwaqqfa lura fl-1961, l-Awtorità tax-Xandir għandha rwol importanti li tissorvelja u tirregola x-xandiriet kollha tar-radju u tat-televiżjoni li joriġinaw mill-gżejjer Maltin. L-Awtorità tax-Xandir kontinwament tissorvelja l-istazzjonijiet tax-xandir lokali kollha sabiex tiżgura l-konformità tagħhom mal-liġi. L-awtorità li hi waħda indipendenti u hija magħmula minn President u erba’ membri oħra maħtura mill-President ta' Malta, skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
X’jgħid eżatt l-Att tax-Xandir fuq r-reklamar tat-tpinġija …
“L-istazzjonijiet kollha għandhom ixandru reklami bħal dawn jew xi sura oħra ta’ programmar li jkun fih siltiet marbuta mat-tatwaġġi jixxandru wara d-disgħa ta’ filgħaxija u mhux aktar tard mis-sitta ta’ filgħodu minħabba fil-fatt li skont dak li hemm fil-liġi, l-adulti biss jistgħu jitħallew jagħmlu t-tatwaġġi."
“Jekk bejn id-9.00p.m. u s-6.00a.m., ikun hemm reklam għal min jagħmel it-tatwaġġi jew programm li jirreferi għal wiri ta’ tatwaġġi l-istazzjon għandu jara li min jagħmel it-tatwaġġi għandu l-liċenzja biex jaħdem ta’ hekk."
“Ix-xandara jridu wkoll jinfurmaw lil min qed jara u/jew jisma’ bil-periklu li jista’ jkun hemm jekk it-tatwaġġi ssir minn min ma jkollux liċenzja u li ttatwaġġi huwa xi ħaġa li tibqa’ u ma tistax titneħħa ħlief b’operazzjoni.”
X’irrapportat l-ILLUM dwar il-każ?
L-inċident li kkaġuna l-multa seħħ waqt il-programm popolari, li jixxandar filgħodu, waqtu waħda mill-preżentaturi marret f’ħanut tagħmel tpinġija wara li din kellha mħatra mal-preżentatur l-ieħor.
L-awtorità ddeskriviet dan “bħala messaġġ ħażin fuq il-mezzi tax-Xandir, aktar u aktar fi programm li jixxandar filgħodu u li jmur kontra gosti tajbin u deċenza.” Skont l-Att tax-Xandir reklam dwar tpinġija huwa limitat biss għas-sigħat ta’ tard filgħaxija u filgħodu kmieni. Dan minħabba li skont il-liġi, l-adulti biss jistgħu jitħallew jagħmlu t-tpinġija.
L-Awtorità tax-xandir sostniet li minkejja l-fatt li uffiċjali tagħha kienu spjegaw u kkomunikaw mal-istazzjon qabel ix-xandira, il-ksur tal-liġi kien seħħ xorta waħda dan skontha kien “nuqqas serju” min-naħa tal-istazzjon u għalhekk ma kellux jiġi “trattat b’mod leġġer.” Kien fuq dan il-punt li għalhekk, l-Awtorità saħqet li “kellha tagħti messaġġ ċar lix-xandara li dan l-aġir ma kienx ser jiġi tollerat” u għalhekk imponiet il-multa ta’ €930.
Fuq il-każ, l-ILLUM kienet tkellmet mal-Group Sales Manager ta’ Eden Leisure, Andrew Zammit li fuq dan spjega li l-istazzjon meta tela’ quddiem l-Awtorità kien qajjem l-argument li din il-liġi hi waħda antikwata meta tqis li llum il-ġurnata t-tattoos m’għadhomx tabù. “L-Awtorità fehmu biċ-ċar l-argument tagħna u saħanistra ssimpatizzaw magħna madankollu, peress li l-liġi iswed fuq abjad tgħid hekk xorta waħda mmultawna.