Doqqu l-qniepen għax qam mill-mewt: L-Għid il-Kbir kif niċċelebrawh aħna l-Maltin

F’pajjiż li jaf għeruqu fit-twemmin Kattoliku, il-Ġimgħa Mqaddsa tibqa’ l-aktar mument importanti għax hija l-fulkru tal-fidi tagħna. Imma kif niċelebrawha? Xi nħobbu nieklu? X’inhuma t-tradizzjonijiet? U kont taf li f’Korfù...

L-irxoxt ta' Bormla fil-ġirja tradizzjonali
L-irxoxt ta' Bormla fil-ġirja tradizzjonali

Illum idoqqu l-qniepen mill-ġdid u joħroġ l-Irxoxt mill-Knejjes fost il-baned, briju u atmosfera kbira ta’ festa. L-Għid il-Kbir jimmarka l-akbar festa tal-Knisja Kattolika u allura f’pajjiż bħal tagħna fejn maġġoranza kbira ta’ nies u fejn l-għeruq tal-istorja tagħna huma intrinsikament marbutin mal-Knisja Kattolika, illum timmarka ġurnata ta’ festeġjamenti, ikel, ferħ, familja u xi naqra tax-xorb ukoll.

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn uħud mit-tradizzjonijiet li ċċelebrajna matul din il-ġimgħa u li se niċċelebraw illum u li allura jagħmel din il-festa u l-avvenimenti tal-Ġimgħa l-Kbira mument illi fih niċċelebraw uħud mit-tradizzjonijiet Maltin.

Il-figolli; ħelu tradizzjonali Malti tal-Għid
Il-figolli; ħelu tradizzjonali Malti tal-Għid

Ikel; Mill-qagħqa tal-Appostli sal-karamelli tal-ħarrub u l-figolli

Issa jekk hemm xi ħaġa li dan il-pajjiż jiċċelebra, bħal kwazi kull pajjiż ieħor biex inkunu onesti, huwa propju l-ikel. Ma’ kull festa u ma’ kull vaganza għandna prattikament lista sħiħa ta’ ikel biex jimlilna żaqqna u jżommna kuntenti u ferħanin.

L-Għid sinonimu mal-figolli. Il-figolla jista’ jkollha diversi forom għalkemm l-aktar popolari huma; il-ħaruf li jfakkarna f’Ġesù, li meta ssallab kien il-ħaruf tas-sagrifiċċju kif ukoll il-fenek, li huwa parti mit-tradizzjoni tal-Għid b’għeruq fil-paganiżmu. Hemm ukoll il-forma tal-ħuta (Ichtus) li kienet is-simbolu tal-Kristjaneżmu meta dan kien oppressat u ppersegwitat mill-Imperu Ruman.

Maż-żmien żdiedu diversi forom oħrajn fosthom forma ta’ qalb, kitarri, friefet u riċentement anke figolli b’wiċċ il-Mexxej jew Kap tal-partit (xi travestija).

Fost l-ingredjenti biex isiru l-figolli nsibu bajd, dqiq, larinġ kif ukoll lewż, marżipan, ġelu jew inkella ċikkulata.

Fil-passat kienet prattika iktar popolari li kull familja tagħmel il-figolli u tagħti wħud minnhom lill-qraba u l-ħbieb, u b’hekk kulħadd jirreċiproka u ħadd ma jibqa’ mingħajr figolli. Illum u bħal-lum il-bejgħ tal-figolli jkun fl-aqwa tiegħu mid-dolċeriji kollha ta’ pajjiżna.

Tajbin ma’ dik il-kikkra kafè jew te, il-figolli jibqgħu waħda mill-aktar tradizzjonijiet kulinari popolari f’pajjiżna matul dan iż-żmien.

Matul iż-żmien iżda l-figolli sabu kompetizzjoni qawwija fil-forma tal-bajd tal-Għid, mill-aktar popolari fost it-tfal b’karattri ta’ xi film jew animazzjoni li tkun għaddejja fil-mument. Naturalment ma’ dan jiżdiedu t-tipi kollha tal-ħelu, li f’pajjiżna ssibu għall-bejgħ ma’ kull ftit kantunieri.

Għall-ikla t-tradizzjoni tibqa’ l-ħaruf għalkemm diversi familji jieklu xi tip ta’ laħam differenti. Il-konsum tal-laħam jikkuntrasta maż-żmien ir-Randan illi matulu mhux permess li jittiekel laħam, hekk kif, suppost, dawk li huma Kattoliċi jkunu qed isumu.

Imma apparti l-ikel marbut mal-Għid, hemm ukoll dak marbut mal-Ġimgħa l-Kbira u Ħamis ix-Xirka. Primarjament il-qagħqa tal-Appostli, li hija ħobż magħmula tonda bil-lewż fuqha (support 12 għal kull appostlu) tradizzjoni li tmur lura mijiet ta’ snin u li baqgħet issir minn furnar għall-ieħor, minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Fil-Ġimgħa l-Kbira, peress li ma jistax jittiekel ħelu, jinbiegħu l-karamelli tal-ħarrub. U kif tagħmilhom il-karamelli? Faċli; tgħalli l-essenza tal-ħarrub f’temperatura għolja u ddawwar kontinwament sakemm iddub u jikkaramelizza sakemm isir iebes. Tħalli kollox jiksaħ u tqatta’ biċċiet forma kwadra. Hemm ara! Mhux diffiċli għal min iħobbhom.

Bħala ħelu jiżdied il-kwareżimal u bħala ikel hemm l-isfineġ u l-qassatat jew it-torti tal-inċova.

Il-]aruf, simbolu ta' Kristu li hu l-ħaruf t'Alla
Il-]aruf, simbolu ta' Kristu li hu l-ħaruf t'Alla

Parati, statwi u ċuqlajti

Ħamis ix-Xirka, jew il-lejl li Kristu qatta’ fil-Ġnien tal-Ġetsemani sakemm kien arrestat u deher quddiem is-Sinedriju mmexxi minn Annas u Kajfa, u nhar il-Ġimgħa l-Kbira jibqgħu jumejn illi fihom b’sogħba titfakkar il-passjoni ta’ Ġesù.

U l-Maltin, flimkien ma’ xi ftit pajjiżi jew postijiet oħrajn, ifakkru din il-ġurnata permezz ta’ diversi purċissjonijiet li jeħduna lura għall-istadji kollha tal-mewt ta’ Ġesù.

Il-purċissjoni ġeneralment tkun iddominata minn numru ta’ statwi, l-aktar komuni jkunu Ġesù fil-Ġetsemani, jitlob lil Alla biex ma jgħaddihx mit-tbatija li kien se jgħaddi minnha, tradut minn Ġuda mbagħad marbut mal-kolonna li jissimbolizza lil Ġesù fflaġellat. Wara, għallinqas fil-purċissjonji tradizzjonali jkun hemm, l-Ecce Homo, li tirrifletti l-kliem ta’ Pilatu ‘hekk hu l-bniedem’. Il-vara li jmiss tkun ir-Redentur, li turi lil Kristu taħt il-madmad tas-salib. Din l-istatwa hija meqjuma minn bosta hekk kif tissimbolizza t-tbatijiet li minnhom jgħaddi l-bniedem matul ħajtu, l-għuda tas-salib li tissimbolizza l-mard, l-uġigħ tal-qalb, is-solitudni u d-dwejjaq.

Wara hemm l-istatwi tal-Veronika, il-Vara l-Kbira, il-Monument (Kristu mejjet) u d-Duluri. Din il-purċissjoni ssir f’ħafna lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u apparti l-vari, fiha jieħdu sehem numru kbir ta’ persuni li jilbsu ta’ Rumani jew ta’ persunaġġi Bibbliċi.

Apparti dan, matul dawn il-jiem fil-Knejjes in-nies jmorru jagħmlu s-seba’ visti. Dawn huma; 1) il-mument illi Kristu kien fil-Ġetsemani mal-appostli 2) it-tradiment ta’ Ġuda 3) Ġesù quddiem is-Sinedriju 4) Ġesù quddiem Pilatu 5) Ġesù quddiem Erodi 6) Meta l-poplu għajjat ‘sallbu sallbu’ u 7) Ġesù mill-kalvarju sal-mewt fuq is-salib.

Kull vista tispiċċa bl-istess strofa: ‘Nadurawk o Ġesù u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna’

Apparti dan, tradizzjonijiet oħrajn huma ċ-ċuqlajta li tintuża minflok id-daqq tal-qniepen, l-armar tas-Sepulkru li jissimbolizza l-qabar ta’ Ġesù u diversi mwejjed u esebizzjonijiet li juru u jfakkru fl-aħħar ċena. Dan apparti diversi baned li matul il-ġurnata jdoqqu marċi funebri bl-aktar wieħed popolari jkun iċ-Ċipresso

Tiġrijiet bl-Irxoxt f’atmosfera ta’ festa

Dalgħodu jew f’xi każi llejla jsiru purċissjonijiet bl-Irxoxt fir-Rabat Malta, ta’ Ġieżu l-Belt, Bormla, il-Birgu, l-Isla, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi fil-parroċċa ta’ San Ġorġ u anke San Bastjan, il-Għargħur, il-Mosta, Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ, in-Naxxar u l-Gżira. F’Għawdex ukoll isiru purċissjonijiet bl-Irxoxt fir-Rabat Għawdex, in-Nadur, ix-Xagħra, il-Qala u x-Xewkija.

Apparti l-atmosfera ta’ festa, din il-purċissjoni minnha nnifisha għandha storja twila u anke individwali. Dik ta’ Bormla pereżempju, li hija fost l-aktar popolari, kienet toħroġ fl-erbgħa ta’ filgħodu snin twal ilu.

Imma l-aktar popolari tibqa’ l-ġirja bl-istatwa tal-Irxoxt, f’simbolu ta’ ferħ u ċelebrazzjoni, anke jekk kien hemm istanzi meta l-Irxoxt kien qrib li jaqa’ u ssirlu ħafna ħsara.

Għalkemm kull purċissjoni tal-Irxoxt hija xi ftit jew wisq segwita, l-akbar numru ta’ nies dalgħodu se jkunu rħewlha lejn il-Kottonera u Ħal Qormi.

L-Irxoxt ta' Bormla
L-Irxoxt ta' Bormla

L-Għid fl-Ewropa...

Mhux ’il bogħod, f’Firenze l-Italja jiċċelebraw permezz ta’ dak li jgħidulu Scoppio del Carro, jew splużjoni tal-karru simili għall-ġigġifogu. Dan il-karru jgħaddi mit-toroq fost briju u nies lebsin kostumi u jieqaf quddiem id-Duomo. Minn hawnhekk jinħaraq in-nar fi tradizzjoni li tmur lura għall-ewwel kruċjata u li tfisser illi l-ħsad se jkun tajjeb.

Fi Franza ssir froġa ġganteska, speċifikament fil-villaġġ ta’ Haux. F’din il-froġa jintużaw aktar minn 4,500 bajda u jieklu 1,000 persuna.

 

More in Socjali