90% tal-Maltin kuntenti bil-kwalità tas-servizz tat-telefonija
Il-maġġoranza tal-Maltin ma jafux kemm jonfqu fuq is-servizz tat-telefonija
More in Socjali
Il-maġġoranza tal-Maltin ma jafux kemm jonfqu fuq is-servizz tat-telefonija
Hi komuni ħafna li tisma' lil xi ħadd igerger fuq is-servizz tat-telefonija tiegħu, forsi minħabba reception jew inkella d-dewmien sabiex jaqbad ma’ rappreżentant tal-customer care. Minkejja dan kollu, din jaf hi biss perċezzjoni hekk kif, studju li ħejjiet l-Awtorità Maltija dwar il-komunikazzjoni kkonkluda li iktar minn 90% tal-Maltin huma kuntenti bil-kwalità tas-servizz attwali.
L-istudju tal-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni stħarreġ is-servizzi tat-telefonija fissa fost ir-residenzi Maltin u apparti milli indaga fuq is-sodisfazzjon tal-kwalità tas-servizz, l-awtorità fost l-oħrajn staqsiet mistoqsijiet rigward rati telefoniċi, miżati għas-servizz u fuq l-użu tal-mowbajl flok linja fissa tradizzjonali.
U meta tinqala’ l-ħsara... il-Maltin jibqgħu sodisfatti?
69% tal-parteċipanti qalu li ma kellhomx ħsarat jew qtugħ tas-servizz x’jirrapportaw fit-12-il xahar ta’ qabel sar l-istħarriġ. Mill-banda l-oħra, 18% tal-parteċipanti b’abbonament għas-servizz tat-telefonija fissa qalu li rrapportaw ħsara waħda fl-istess żmien, filwaqt li 13% rrapportaw bejn tnejn u ħames ħsarat.
Madanakollu, 79% ta’ dawk li rrapportaw xi ħsarat, qalu wkoll li l-operatur indirizza l-problema fis-servizz b’mod sodisfaċenti.
Ikkonfermata: Il-mowbajl ħa post il-linja fissa
80% tal-parteċipanti kollha qalu li jqisu l-mowbajl bħala s-sostitut għas-servizz tat-telefonija mil-linja fissa tradizzjonali. Fl-istess waqt, 46% tal-parteċipanti qalu li jqisu applikazzjonijiet bħal WhatsApp, Skype u Messenger, bħala sostitut għas-servizz ta’ telefonija fuq linja fissa.
2/3 tal-Maltin jonfqu inqas minn €20 fix-xahar fuq it-telefonija
Int taf kemm tonfoq fuq is-servizz tat-telefonija?
Apparti minn hekk, 78% tal-parteċipanti b’abbonament tat-telefonija fissa wieġbu li ma jafux kemm hi l-ispiża ta’ kull xahar fuq l-abbonament tagħhom. 64 % ta’ dawn qalu li, r-raġuni hi minħabba l-fatt li jixtru servizz f’bundle u dan jagħmilha diffiċli sabiex ikunu jafu eżattament x’qed jonfqu fuq is-servizz tat-telefonija fissa waħdu.
Tnejn minn kull tlieta qalu, li l-ispiża tagħhom tammonta għal inqas minn €20 fix-xahar. Filwaqt li terz tal-parteċipanti kollha qalu li jonfqu bejn €20 u €50 fix-xahar.