Għat-tieni darba it-tim Franċiż reġgħu refgħu t-trofew tat-Tazza tad-Dinja, wara r-rebħa tagħhom fl-1998. Għal Franza din kienet it-tielet finali tat-Tazza tad-Dinja wara li għamlu dan b’suċċess fl-1998 filwaqt li tilfu dik tal-2006 mal-Italja.
Ir-rebħa tal-Franċiżi kienet waħda b'riżultat ta' 4 gowls għat-tim rebbieħ u 2 għall-Kroazja.
Iż-żewġ timijiet kienu ferm konsistenti matul din l-edizzjoni tat-turnew u minbarra li ma sofrew l-ebda telfa, kellhom plejers individwali li għamlu d-differenza kollha. Fuq naħa nsibu lil Kylia0n Mbappe ta’ Franza filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm Luka Modric tal-Kroazja li kollha kemm huma taw kontribut sabiex tasal din il-ġurnata tant speċjali għalihom.
Franza mill-ewwel bdew bħala favoriti li jiksbu s-suċċess finali minħabba l-esperjenza li għandhom f’kompetizzjonijiet ta’ dan il-livell. Għall-Kroati din kienet esperjenza unika.
Proprju 20 sena ilu fi Stade Saint Denis f’Pariġi, il-kowċ preżenti Didier Deschamps għolla t-tazza bħala captain Franċiż u x-xewqa tiegħu li jerġa’ jkun parti mit-tim Franċiż rebbieħ saret realtà.
Les Bleus kellhom wirjiet tajbin f’din il-kompetizzjoni fejn wara li spiċċaw l-ewwel fi grupp Ċ li kien jinkludi l-Awstralja, id-Danimarka u l-Perù għaddew mill-fażi eliminatorja minn fuq l-Arġentina, l-Urugwaj u l-Belġju.
Kif għedna spikka fost kulħadd iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena Kylian Mbappe li flimkien ma’ Antoine Griezmann skorjaw tliet gowls kull wieħed f’din l-edizzjoni u xprunaw mhux ftit it-tim Franċiż.
Il-veloċità ta’ Mbappe hija waħda fenomenali u huwa kkunsidrat bħala theddida għal kull difiża avversarja.
Ir-referi ta’ din il-partita kien l-Arġentin Nestor Pitana li, inċidentalment, ikkontrolla wkoll il-logħba tal-ftuħ.