
“Naħdmu daqs in-nies tal-post iżda nitħallsu biċ-ċiċri,” l-istudenti jilmentaw
L-istudenti tal-MCAST isemmgħu leħinhom dwar is-sistema ta’ apprentistat

minn Liam Carter

Numru ta’ studenti fl-MCAST tkellmu ma’ din il-gazzetta u ilmentaw dwar is-sistema preżenti ta’ ħlas għall-perjodu tal-apprentistat tagħhom. Mal-ILLUM huma spjegaw kif, tul ix-xhur tas-sajf, għal 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa huma b’kollox tħallsu, €232.94. Dan minkejja l-wegħda tal-Gvern li jibdew jitħallsu b’paga minima għal dan il-perjodu ta’ xogħol.
Peress li l-korsijiet fl-MCAST huma bbażati fuq edukazzjoni vokazzjonali, ħafna mill-istudenti li qed isegwu korsijiet f’oqsma bħal: inġinerija, restawr, u edukazzjoni bikrija, huma meħtieġa li fix-xhur tas-sajf jibdew l-apprentistat tagħhom fuq bażi ta’ full-time. Dan l-istadju ta’ apprentistat ġeneralment jibda ftit wara li jiġi fi tmiemu l-aħħar semestru. Però jeżistu anke korsijiet fejn waqt is-sena skolastika minflok lezzjonijiet fil-klassi, l-istudenti jkollhom apprentistat.
Skont l-informazzjoni li għaddewlna l-istudenti, għal kull erba’ ġimgħat xogħol fis-sajf, dawn l-istudenti tħallsu, €232.94 dan, bħala għotja ta’ stipendju speċjali. B’hekk dawn l-istudenti qegħdin jitħallsu bir-rata ta’ €1.39 fis-siegħa. Intant xi ftit minn dawn l-istudenti qegħdin jitħallsu wkoll, €49.97 addizzjonali fil-ġimgħa mill-kumpanija li huma jaħdmu magħha.
Fil-manifest elettorali tal-2017, il-Partit Laburista kien wiegħed lill-istudenti kollha li jibdew jitħallsu l-paga minima għall-perjodu tal-apprentistat tagħhom. Apparti minn dan fil-wegħda tal-Gvern kien hemm imniżżel li, il-kumpaniji li joffru dan l-apprentistat se jkunu mgħejuna mill-Gvern ukoll, dan bit-tisħiħ tal-inċentivi fiskali li dawn jingħataw.
Student partikolari li tkellem ma’ din il-gazzetta sostna li mhuwiex kontra dawn l-iskemi, għaliex fi kliemu stess dawn “huma ta’ għajnuna kbira,” però fl-istess ħin qal li, peress li l-apprentistat huwa parti sostanzjali mill-kors ta’ studju, dan qed ikun żvantaġġ għalih u studenti fl-istess sitwazzjoni tiegħu. “Naħdmu sigħat ta’ full-time, mit-tnejn sal-ġimgħa. Studenti oħra li m’għandhomx dan l-apprentistat, jaħdmu xogħol ieħor fis-sajf li fih jaqilgħu paga ħafna aktar minna,” spjegalna l-istudent.
Hu kompla jgħid kif, “nifhem li l-apprentistat huwa biċċa xogħol tajba għalina, għaliex prattikament qegħdin nieħdu l-esperjenza, però mhux sew li naħdmu daqs nies tal-post, iżda nitħallsu biċ-ċiċri,” irrimarka l-istudent.
Fuq din il-kwistjoni, din il-gazzetta tkellmet ma’ Ahmed Lamlum, President tal-Kunsill tal-Istudenti fi ħdan l-MCAST. Mal-ILLUM, Lamlum saħaq li, “din hi kwistjoni li l-Kunsill sikwit jitħaddet fuqha, tant hu hekk li l-ġimgħa d-dieħla għandna laqgħa dwar dan.”
Il-President spjega li l-għan tagħhom hu, “li l-ewwel nett jiżdiedu l-pagi tal-istudenti li jagħmlu dan il-perjodu ta’ apprentistat u fejn dan ma jkunx possibbli għall-inqas jitnaqqsu s-sigħat li jaħdmu l-istudenti,” temm jgħid Lamlum.
L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Ryan Attard, li huwa l-Koordinatur tal-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM) fi ħdan l-MCAST. Mal-ILLUM hu spjega kif bħala organizzazzjoni, huma wkoll kemm-il darba qajmu diskussjoni rigward din l-affari. “Din il-kwistjoni tkellimna ħafna fuqha. Tant hu hekk li, anke konna għamilna laqgħa mal-amministrazzjoni tal-MCAST bl-għan li nindirizzaw din il-kwistjoni, saħaq Attard. Hu kompla jgħid kif, “minkejja dan kollu, s’issa għadna ma smajna xejn.”
Dwar dan, din il-gazzetta bagħtet ukoll mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni, bqajna ma rċivejna ebda tweġiba.

