'Il-konsum tal-alkoħol u d-drogi ma jawgurawx tajjeb għall-futur tas-saħħa mentali'
Il-ġimgħa li għaddiet tħabbret l-ewwel Strateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali. L-ILLUM tagħti ħarsa lejha, lejn dak propost mill-Ministeru tas-Saħħa
minn Liam Carter
Is-saħħa mentali hi prijorità, il-kuntentizza essenzjali, il-kura personali tagħna neċessità. Żgur mhux forsi li s-saħħa mentali għandha tingħata l-istess attenzjoni u dedikazzjoni daqs is-saħħa fiżika tagħna. Għalhekk din il-ġimgħa, fl-Università Antika tal-Belt Valletta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija tas-Saħħa Mentali Nazzjonali, 2020-2030.
F’din l-okkażżjoni, l-ewwel waħda f’dan il-qasam partikolari, ġie ppubblikat dokument li mistenni jservi bħala qafas għal diskussjoni u kunsiderazzjonijiet fuq dawn il-materji importanti għall-benesseri tas-soċjetà.
Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-gazzetta tat ħarsa lejn dan id-dokument rigoruż li jiġbor ġewwa fih mal-75 proposta.
X’se jiġri minn Monte Karmeli?
Monti Karmeli fetaħ il-bibien tiegħu fl-1861 dak iż-żmien meqjus bħala faċilità avvanzata fejn tidħol kura ta’ saħħa mentali. Iżda llum il-ġurnata, dan l-Isptar sikwit jkun fiċ-ċentru ta’ kritika, kemm minħabba l-istigma li toħnoq lil din il-faċilità kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ infrastruttura adegwata.
Apparti minn hekk, waqt id-diskors tiegħu din il-ġimgħa, il-Ministru Fearne sostna li, "għalkemm mhuwiex post sabiħ xorta waħda għandna bżonnu, minħabba l-fatt li hemm diversi pazjenti li ilhom hemm snin u għalhekk diffiċli li noħorġuhom minn hemm.”
Allura x’qed jingħad f’dan id-dokument rigward l-Isptar Monti Karmeli.
- Se tkompli l-ħidma sabiex jiġu rilokati persuni minn ġo dan l-isptar f’faċilitajiet oħra.
- L-Isptar se jkun riabilitat f’faċilità li tieħu ħsieb l-aktar nies anzjani u nies li għandhom bżonn attenzjoni medja.
- Se jieħu ħsieb ukoll nies li jibatu minn problema ta’ saħħa mentali akuta, però li għandhom bżonn aktar appoġġ qabel ma jintbagħtu fiċ-ċentri tal-komunità.
- Parti żgħira minn Monte Karmeli se tiġi żviluppata biex tieħu ħsieb pazjenti li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali relatati mal-użu tad-droga.
- Se jsir eżerċizzju ta’ ‘re branding’ biex tinqered l-istigma assoċjata ma’ dan l-Isptar.
Is-saħħa mentali integrata fuq il-post tax-xogħol
Dan id-dokument jittratta wkoll problemi ta’ saħħa mentali li jiskattaw fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk, fost l-oħrajn l-istrateġija nazzjonali qiegħda tagħmel dawn il-proposti:
- L-implimentazzjoni ta’ inizjattivi bl-għan li jonqos l-istress fuq il-post tax-xogħol.
- Jibda jiġi provdut servizz ta’ ‘counselling’ fuq il-post tax-xogħol.
- Il-post tax-xogħol għandu jkun aktar involut fl-identifikazzjoni bikrija, riferiment u appoġġ għal nies għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali. B’mod partikolari għal dawk barranin li jaf jagħti l-każ li ma jkollhomx l-appoġġ tal-familja.
Inqas stress u aktar eżerċizzju fiżiku għall-istudenti
Id-dokument aċċena wkoll għar-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi tal-pajjiż u s-saħħa mentali. Skont dan id-dokument, jeħtieġ li jkun l-istudenti jkollhom relazzjoni tajba mal-għalliema, mal-ġenituri u l-istudenti sħabhom filwaqt li jkollhom trobbija tajba għall-żvilupp ta’ mġiba soċjalment pożittiva.
Għalhekk, fost l-oħrajn l-istrateġija nazzjonali qiegħda tagħmel dawn il-proposti:
- Tkompli r-riforma fis-sistema edukattiva bl-għan li jonqos l-istress u l-problemi ta’ ansjetà relatati mal-eżamijiet u l-istudenti.
- Tkun imħeġġa aktar diskussjoni relatata mas-saħħa mentali fil-lezzjonijiet tal-PSCD.
- Jiġi provdut taħriġ għall-edukaturi sabiex ikunu aktar imħarrġa biex jirrikonoxxu tibdil fl-imġiba tat-tfal.
- Jiġu provduti programmi varji ta’ promozzjoni fl-iskejjel inkluż l-identifikazzjoni bikrija ta’ problemi ta’ saħħa mentali.
- Jiżdied il-ħin allokat għall-eżerċizzju fiżiku.
Is-solitudini, l-anzjani u s-saħħa mentali
Id-dokument isemmi t-tħassib tiegħu dwar il-prevalenza tad-dipressjoni u s-solitudni fl-anzjani. Dan isemmi kif il-komunitajiet lokali u l-NGOs varji se jkunu strumentali sabiex jiġi żviluppat trattament aħjar biex jikumbatti l-problemi ta’ saħħa mentali fl-anzjani. Għalhekk, fost l-oħrajn l-istrateġija nazzjonali qiegħda tagħmel dawn il-proposti:
- Jibda jiġi provdut taħriġ lit-tobba u infermiera dwar kif jistgħu jintergraw l-għajnuna psikjatrika mas-servizzi ta’ kura ġenerali.
- Jitnieda studju fuq ix-xejriet tas-solitudni fl-anzjani.
- Jiżdiedu ċ-ċentri tal-anzjani li fihom isiru diversi attivitajiet li jippromovu interazzjoni soċjali u attivitajiet li jtejbu s-saħħa mentali u dik fiżika.
Alkoħol, drogi u s-saħħa mentali
Id-dokument jgħid li l-konsum tal-alkoħol u d-drogi partikolarment miż-żagħżagħ ma jawgurawx tajjeb għall-futur tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Apparti minn dan, skont statistika separata tal-EHIS (European Health Interview Survey), fl-2017, kwart tal-pazjenti kollha li ddaħħlu Monte Carmeli għamlu dan minħabba problemi mentali relatati ma’ droga. Filwaqt li kważi wieħed minn kull tliet pazjent li daħħal f’dan l-Isptar kontra l-volontà tiegħu, kellu inqas minn 30 sena.
Ir-rapport jenfasizza l-bżonn, li niggwidaw liż-żgħażagħ ’il bogħod mill-abbuż ta’ dawn is-sustanzi. Apparti minn dan id-diżordni assoċjati ma’ dan l-abbuż għandhom ikunu meqjusa bħala kundizzjonijiet kroniċi bħal oħrajn u mhux falliment morali jew kriminali.
- Jiġi adottat qafas regolatorju li jimminimizza l-konsum tal-alkoħol u d-drogi.
- Jiġi provdut appoġġ għal żgħażagħ li jinsabu maqbudin fi ċrieki vizzjużi ta’ abbuż minn sustanzi.
Kura fil-komunitajiet madwar Malta u Għawdex
Id-dokument qed jipproponi li l-kura tas-saħħa mentali timxi lill hinn mill-Isptar u tibda ssir ġewwa kliniċi tal-komunità. Din it-tranżizzjoni, se tkun pjanata madwar iċ-ċentri tal-komunità kollha f’Malta u Għawdex u kull ċentru se jkollu tip responsabbli mis-servizzi kollha tar-reġjun inkluż kura urġenti. Kull tim mistenni jkollu minn tal-inqas żewġ psikjatri, psikologi, infermiera, ‘social workers’ u psiko-terapisti. Għalhekk, fost l-oħrajn l-istrateġija nazzjonali qiegħda tagħmel dawn il-proposti:
- Jitwaqqfu faċilitajiet ta’ kliniċi fil-komunità fosthom fiċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid u ieħor fit-Tramuntana ta’ Malta
- Jitwaqqfu erba’ timijiet multi-dixxiplinarji biex jaħdmu f’dawl il-kliniċi komunitarji.
- Jiġi provdut inċentiv u taħriġ lit-tobba kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku biex ikunu huma li jagħmlu l-ewwel kuntatt ma’ persuni li jesperjenzaw kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
Sptar psikjatriku ġdid biswit l-Isptar Mater Dei
Skont id-dokument, l-Isptar Monti Karmeli m’għadux adegwat sabiex joffri kura psikoloġika akuta. Għalhekk diġà beda x-xogħol fuq sptar ġdid li se jkun qed jipprovdi trattament u kura akuta fuq il-kampus tal-Isptar Mater Dei.
- Tinqered l-istigma assoċjata ma’ ċertu faċilitajiet
- Tibda tiġi provduta kura f’ambjent estetikament sabiħ u wieħed li jirrispetta d-dinjità u l-privatezza tal-pazjent.
- Jinbena sptar ġdid ta’ 120 sodda fuq il-kampus ta’ Mater Dei.
- Jitwaqqaf qafas li jkun jista’ jipprovdi terapija multi-dixxiplinarja
Bżonn kbir ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa mentali
Id-dokument jagħmilha ċara li sabiex tiġi provduta kura tajba hemm bżonn ta’ aktar ħaddiema f’dan il-qasam. Ir-rapport jgħid ukoll li waħda mill-isfidi kbar wara l-implimentazzjoni ta’ timijiet multi-dixxiplinarji hi n-nuqqas ta’ ħaddiema f’kull livell ta’ dan is-settur. Għalhekk, fost l-oħrajn l-istrateġija nazzjonali qiegħda tagħmel dawn il-proposti:
- Jiġi mrawwem il-kunċett ta’ edukazzjoni interprofessjonali
- Jitfassal studju bl-għan li jinħoloq pjan li jittratta u jżommu professjonisti jaħdmu mas-settur pubbliku u l-NGO’s
- Jibda jiġi provdut servizz aċċessibbli u kunfidenzjali lill-ħaddiema f’dan is-settur bl-għan li jiġi evitat ‘burnout’.