Zunnarija jew karrotti? Studju ġdid jiżvela tendenzi tal-kliem f’Malta
Studju ġdid mill-Università ta’ Malta qiegħed jirriċerka kliem differenti bil-Malti li jfisser l-istess
minn Liam Carter
Niftakar b’mod ċar u viżiv ir-reazzjoni ta’ xi studenti oħra meta f’klassi mimlija daqs bajda, lissint il-kelma ‘zunnarija’. Ħafna kienu tal-fehma li qed nitkellem b’ilsna strambi però ma kien xejn minn dan, għaliex aħna tal-Kottonera dejjem hekk irreferejna għal dik li aktar magħrufa bħala karrotta. Għaldaqstant sikwit ikolli reazzjoni bħal ta’ dawk l-istudenti sħabi, meta nisma' xi kelma ‘stramba’, ħafna mid-drabi meta nkun qiegħed inqatta’ xi ġranet Għawdex.
Attwalment, studjużi u riċerkaturi mill-Università ta’ Malta qed jinvestigaw dan kollu. Il-proġetti qed isiru b’kollaborazzjoni
bejn id-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa.
L-ILLUM din il-ġimgħa ltaqgħet u tkellmet ma’ Ruben Farrugia, lettur fl-Università ta’ Malta u wieħed mill-istudjużi prinċipali f’wieħed minn dawn il-proġetti ferm interessanti.
Ma’ din il-gazzetta, Farrugia jibda biex jispjega l-qafas ta’ dan l-istudju, “l-ewwel sentejn ta’ dan l-istudju kien iddedikat għal riċerka fuq differenzi lessikali. Jiġifieri kliem differenti li jinstabu f’ibliet u rħula varji però li fl-aħħar nett jirreferu għall-istess affarijiet,” sostna Farrugia.
Hu kompla jispjega kif skont l-istudju tagħhom, “ċertu kliem komuni f’Għawdex jinstab ukoll f’diversi rħula ġewwa Malta fosthom il-Mellieħa.”
Apparti minn dan, hu qal li fl-irħula tar-reġjun tal-Imqabba, iż-Żurrieq u s-Siġġiewi jintużaw ukoll kliem bħalma jintuża fil-gżira oħt.
Tan-naħa t’isfel jgħidu ‘zunnarija’ l-oħrajn ‘karrotti’
Skont l-informazzjoni li nġabret s’issa mir-riċerkaturi, evidentalment teżisti qasma bejn in-naħa ta’ fuq u dik t’isfel ta’ Malta.
Fiż-żona tan-naħa t’isfel ta’ Malta, b’mod speċjali fil-lokalitajiet tal-Isla, Marsaxlokk, il-Gudja u Ħal Qormi, il-frażi zunnarija hi l-aktar waħda komuni. L-istess frażi kienet komuni wkoll f’diversi postijiet f’Għawdex fosthom, ix-Xagħra.
Interessanti wkoll, li minkejja li f'Għawdex hemm ħjiel tagħha wkoll, din hi aktar magħrufa bħala 'sfunnarija' minflok 'zunnarija'.
Min-naħa l-oħra, jidher li fil-lokalitajiet tan-naħa ta’ fuq fosthom: il-Mosta, in-Naxxar u r-Rabat, il-frażi ‘karrotti’ kienet l-aktar ippreferuta.
Rabta bejn kliem partikolari u postijiet partikolari
Mill-eżerċizzji ta’ riċerka li ħejjew dawn ir-riċerkaturi, jidher li hemm ċertu kliem li huwa marbut ma’ postijiet speċifiċi. Pereżempju l-kelma ‘steringa’, li tirreferi għal vleġġa tingħad f’Marsaxlokk. Imbagħad fir-Rabat jidher li tingħad ħafna l-kelma ‘lakstuwa.’
Interessanti wkoll il-kelma ‘fajjara’ li hi komuni f’Tas-Sannat ġewwa Għawdex. Kliem ieħor partikolari u li ta’ min jinnota huma ‘waddab’ li tingħad ħafna fix-Xagħra Għawdex u l-Mosta, kif ukoll ‘fajlora’ li tingħad ġewwa l-Għarb Għawdex
Id-djalett fil-lingwa Maltija qiegħed imut?
Ħafna huma tal-fehma li l-Malti qiegħed ‘imut’ u minflok l-Ingliż qiegħed jieħu postu. Però d-djaletti għandhom l-istess futur? X’jaħseb Farrugia?
“Iva u le. Dan iż-żmien, min jitkellem bil-Malti jitkellem bil-Malti standard, apparti hekk ta’ min isemmi kif il-Malti qiegħed ibati minħabba l-lingwa Ingliża. Importanti nsemmu wkoll li, fejn qabel kont tiżżewweġ u tibqa’ tgħix fl-istess raħal illum is-sitwazzjoni hi differenti,” saħaq Farrugia.
Hu żied jgħid li, “id-djalett qabel kien meqjus bħala parti mill-identità tiegħek, karatteristika li tidentifikak mill-oħrajn. Apparti dan dejjem hemm il-konnotazzjoni li jekk titkellem bid-djalett ma tafx skola. Minħabba f’hekk, ħafna ġenituri jonqsu milli jitkellmu bid-djalett mat-tfal,” sostna Farrugia.
Minkejja dan, Farrugia hu tal-fehma li, “filwaqt li ħafna nies jaħsbu li d-djalett qed jintilef, f’ħafna rħula madwar Malta u Għawdex id-djalett ċertament li għadu ħaj.