Iż-żagħżugħ Malti li kien ibbuljat l-iskola, illum pass ’il bogħod mill-UFC
Matthew Camilleri se jerġa’ jmur jitħarreġ f’AKA gym fl-Istati Uniti, iktar tard illum
More in Socjali
Matthew Camilleri se jerġa’ jmur jitħarreġ f’AKA gym fl-Istati Uniti, iktar tard illum
Malti ta’ 23 sena u qiegħed jagħmel isem għal pajjiżna fl-isports tal-MMA, hekk kif wara tliet rebħiet fl-Ottagonu se jirrappreżenta lil Malta fl-ogħla livell tal-isport possibbilment fi ġlied ta’ UFC (Ultimate Fighting Championship) u Bellator.
Attendejna l-istess skola, fil-Liċeo Ġużeppi Despott ta’ Verdala. Niftakru tifel kwiet li sikwit kien jiġi bbuljat minħabba l-karattru kwiet u mistħi tiegħu. Diversi snin wara, issa t-tnejn f’pożizzjonijiet differenti, Camilleri jispjega ma’ din il-gazzetta kif juża din l-esperjenza xejn feliċi biex jegħleb kull sfida li jaffaċja quddiemu.
Matthew Camilleri tela’ diversi drabi jitħarreġ fl-Istati Uniti f’AKA Gym, gym popolari li fih jittrenjaw fost l-aqwa atleti fid-dinja tal-MMA bħal: Khabib Nurmagomedov, Cain Velasquez, Daniel Cormier u ħafna oħrajn. Iż-żagħżugħ li jinsab propju pass ’il bogħod milli jirrappreżenta lil Malta anke fl-ogħla livelli tal-MMA, fosthom fi promozzjonijiet ta’ UFC u Bellator, tkellem mal-ILLUM fuq l-istorja wara s-suċċess tiegħu.
‘L-esperjenza tal-bullying inżommha f’moħħi dejjem’
Mal-ILLUM hu jispjega kif din l-esperjenza xejn feliċi tas-sekondarja juża bħala r-riħ tal-poppa tiegħu. “M’għandekx idea kemm għenitni u kemm għadha tgħinni. Kull meta nkun iffaċċjat bi sfida f’kull sfera tal-ħajja, nieqaf u nirrifletti kif jien kont kapaċi negħleb l-esperjenza tal-bullying u minflok niffoka fuq l-arti marzjali li llum wasslitni fl-ogħla livelli,” saħaq Camilleri.
Staqsejt lill Camilleri x’parir jagħti lil tfal li għaddejjin mill-istess intoppi. Hu kien pront biex jisħaq, “stand up for yourself’, nixtieq li għamiltha aktar, mhux qiegħed ngħid li tieħu l-liġi b’idejk dak qatt mhu sew però tibqax iddawwar wiċċek. Prattika l-arti marzjali, din tibni fik kunfidenza,” sostna Camilleri.
Diversi drabi fis-sena jżur l-Istati Uniti
Ftit tal-ġranet oħra Camilleri se jerġa’ jaqbad triqtu lejn San Josè, California fl-Istati Uniti sabiex jqatta żmien twil jittrejnja f’AKA Gym. Però din mhux se tkun l-ewwel darba tiegħu hekk kif hu ilu tiela’ u nieżel l-Istati Uniti sabiex jitħarreġ f’dan il-gym għal dawn l-aħħar sentejn.
Mal-ILLUM hu jispjega l-esperjenza tiegħu mili ’l bogħod minn daru.
“Sentejn ilu mort għall-ewwel darba, kont domt tliet ġimgħat, imbagħad kont erġajt mort għal ġimagħtejn u wara kont tlajt għal tliet xhur sħaħ,” spjega Camilleri.
Hu kompla jitkellem fid-dettall dwar din l-esperjenza, “niftakar l-ewwel tlitt ijiem ma kont għidt xejn. Imbagħad għamilt ‘sparring’ ma’ atleta professjonali ieħor u ħadtu, kien irnexxieli nagħmillu ‘submission’. Minn hemm bdiet l-esperjenza sabiħa ferm fejn, iffurmajt diversi ħbiberiji ma’ atleti prominenti b’mod speċjali mal-atleta Shaun Bunch,” spjega Camilleri.
Ovvjament, esperjenza bħal din tirrikjedi impenn personali u dak finanzjarju, kif qiegħed ikampa Camilleri ma’ dawn il-piżijiet? “Naħdem bħala skrivan, meta nkun sejjer għat-taħriġ jifhmuni u noħroġ bil-frank, jekk ovvjament naqbeż il-ġranet li jkolli stipulati nibda ma nitħallasx tagħhom,” spjega Camilleri.
Minkejja dan hu żied jgħid li, “fl-aħħar sentejn irbaħt borża ta’ studju mill-Gvern li għenitni ħafna f’din il-mixja sportiva,” temm jgħid Camilleri.
L-isport tal-MMA anke f’pajjiżna jkompli jikber
L-isport tal-Mixed Martial Arts mhuwiex xi invenzjoni ta’ dan is-seklu però fis-snin li għaddew dan kompla jżid fil-popolarità, primarjament minħabba promozzjonijiet li saru jiġu organizzati u mxandra kummerċjalment bħal UFC u Bellator.
L-akbar avvenimenti ta’ dan l-isport jittellgħu taħt il-kappa ta’ UFC, li bħala promozzjoni tgħaqqad flimkien uħud mill-aqwa atleti tal-MMA, li jiġġieldu kontra xulxin skont il-piż tagħhom u bejn wieħed u ieħor ikun hemm kważi 40 avveniment fis-sena.
F’Ottubru li għadda, id-dinja kollha, inkluż il-Maltin, kienet imwaħħla mas-sett
tat-televiżjoni hekk kif Khabib Nurmagomedov għeleb lil Conor McGregor fil-ġlieda li tant kienet mistennija. Ġlieda li ħafna sejħu bħala l-akbar ġlieda fl-istorja tal-UFC.