Is-sħana kkargat, il-festi u t-tbaħrid beda. Imma attenti...
Attenti minn ħafna xorb, mix-xemx u kunu prudenti fil-pubbliku. L-ILLUM titkellem mad-Direttur tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Paula Vassallo

minn Albert Gauci Cunningham

Is-sħana issa bdiet tagħmel tagħha sew u jekk kien hemm min qed jimmaġina jew jittama li dan se jkun sajf b’temperaturi aktar baxxi, issa jista’ jgħid li hija kkonfermata l-espressjoni; min jgħix bit-tama jmut bil-piena.
Hekk kif barra qisu forn, kulħadd ifittex il-kenn frisk tal-arja kkundizzjonata jew inkella tal-umbrella ħdejn il-baħar jew fil-każin jiċċelebra l-festa, l-ILLUM titkellem mad-Direttur tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Paula Vassallo. Tistaqsi għal pariri dwar diversi fatturi marbutin ma’ dan l-istaġun, fosthom is-safar, l-ilma, ix-xorb fil-festi, ix-xemx u ħafna aktar.

Xorb alkoħoliku fil-festi u l-marċi
Issa l-festi bdew u waqt il-festa jkun hemm il-marċ ta’ filgħodu u allura tal-festa ma tixrobx xi ftit?
“Kemm jista’ jkun wieħed jevita milli jixrob alkoħol u anke kafè f’din is-sħana, kif ukoll jevita xarbiet ħelwin bħal luminati. Dawn ix-xarbiet lkoll inixxfu u f’din is-sħana u l-umdità iktar jiggravaw l-affarijiet u jeħtieġ allura tixrob ħafna ilma. Trid tixrob l-ilma b’mod regolari.”
Allura jekk se tixrob l-alkoħol idea tajba li tixrob ukoll l-ilma biex tibbilanċja l-effett?
“L-aħjar li tevita, imma jekk se tixrob ħu l-ilma wkoll.”
Tgħid li d-direttorat qed jaħdem biex l-ilma jkun aktar aċċessibbli f’postijiet differenti.
“Illum hawn min iżid il-ħwawar jew xi frott jew ħaxix biex jagħti togħma lill-ilma għax ġieli ssib min jgħid li ma jixrobx ilma għax ma fihx togħma.”

Imma kemm għandek tixrob ilma? Vera li ħafna ilma huwa ħażin għalik?
Dejjem żewġ litri. Il-medja għandha tkun żewġ litri. Imma ftit huma dawk li jixorbu żewġ litri ilma kuljum. Jekk ma tixrobx daqshekk imqar ipprova ixrob mat-tmien tazzi ilma kuljum.
Jekk taħseb li se tinsa tagħmel dan għamel tfakkiriet permezz tal-mowbajl tiegħek biex tiftkar li wasal il-ħin li tixrob l-ilma.

X’għandek tiekol matul dan iż-żmien?
U x’inhu l-ikel ideali għal dan iż-żmien?
“Id-dieta Mediterranja. Il-frott, il-ħaxix u proteini fit-tiġieġ u l-ħut. Dieta li tinkorpora ż-żejt taż-żebbuġa u affarijiet oħrajn.”
Tfakkar fil-bżonn li wieħed jieħu xi ħaġa minn kollox b’porzjonijiet u b’moderazzjoni u tagħmel aċċenn fuq il-frott tas-sajf.
“Dulliegħ, bettiegħ, bajtar u oħrajn. Dawn kollha tipi differenti ta’ frott frisk li jiffriskawk ukoll u allura jagħmlu tajjeb bħalissa.”
Tfakkar illi jsir is-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali fejn il-prezzijiet huma aktar baxxi.
“U fis-sajf evita li ssajjar affarijiet sħan. Speċjalment min m’għandux arja kkundizzjonata, tajjeb li jagħlaq l-purtieri biex ma tidħolx ix-xemx u kemm jista’ jkun ma jixgħelx il-forn għax dan iżid it-temperatura fid-dar.

X’għandek iżżomm f’moħħok qabel tmur tixxemmex?
L-ewwel nett, hu vera li persuna b’karnaġġjon abjad għandha riskju akbar illi jkollha mard tal-ġilda kawża ta’ ħafna xemx?
“Iva. Persuni b’karnaġġjon ċar se tkun dejjem aktar affetwata mix-xemx u jkollhom riskju ikbar li jimirdu bil-melanoma. Anke persuni li jkollhom ħafna nemex jew inkella persuni li kellhom xi ħadd fil-familja li kellu din il-marda, ir-riskju ta’ xemxata għalihom jiżdied.”
Imma x’inhi eżattament xemxata?
“Meta ddum ħafna fix-xemx, fl-aktar ħinijiet illi fihom ix-xemx tkun qawwija u l-ġilda tiegħek issir ħamra u ma tkunx tista’ tikkontrolla t-temperatura. Jista’ jkun li tħossok ma tiflaħx imma mhux bilfors.”
“Hi terġa’ u tibqa’ tinsisti: “Użaw il-protezzjoni mix-xemx.”
“Ħarsu lejn ir-rapport tat-temp. Araw mhux biss x’se tkun it-temperatura imma wkoll l-indiċi UV biex taraw kemm se tkun b’saħħitha x-xemx. U għandek tagħmel dan mhux biss jekk tkun sejjer il-baħar imma wkoll jekk ikollok qadi jew xogħol fuq barra.”
Hi tgħid li huwa importanti li l-qadi jew ix-xogħol, jekk huwa possibbli, isir qabel il-11:00a.m u wara l-4:00 p.m. Jekk dan mhux possibbli, importanti li tuża l-protezzjoni mix-xemx permezz ta’ sun block b’saħħtu.
“Li tagħmel iż-żejt hija l-agħar ħaġa għax qed tagħmel xi ħaġa biex tieħdok aktar xemx u allura qed tkompli żżid ir-riskju.”
U fake tans? Jagħmlu ħsara? “Tmorrux għar-raġġi. Imma kollox ma’ kollox aħjar fake tan milli toqgħod ġox-xemx.”

Ħażin li toqgħod taħt l-AC għal ħafna ħin?
“Le mhux ħażin. Importanti li tnaddaf il-filters tal-aircondition kull ġimagħtejn. Anzi aħna nħeġġu lin-nies biex joqogħdu taħt l-arja kkundizzjonata biex iżommu ’l bogħod sħanat jew għejja kkważata minn ħafna ħin fix-xemx.”

Jiżdiedu l-parties... jiżdied il-konsum tad-drogi
“Il-messaġġ tagħna huwa li dejjem tevita. Tevita postijiet fejn taf li se tiltaqa’ mad-drogi. Tista’ tieħu gost mingħajr ma tikkonsma d-droga speċjalment f’dan iż-żmien ikun hawn ħafna attivitajiet, bħal kunċerti pereżempju.”
Iktar attività sesswali. X’għandi nagħmel?
Is-sajf iġib miegħu żieda fil-ħruġ u fl-attivitajiet soċjali kif ukoll fil-barranin. Dan kollu jwassal għal aktar attività sesswali speċjalment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. X’għandha tagħmel persuna biex tieħu ħsieb saħħitha?
“Dejjem importanti li jekk persuna se jkollha attività sesswali tilbes il-protezzjoni, tuża l-condom.”
“Importanti li l-condoms ma tħallihomx fix-xemx għax inkella l-effett ma jibqax. U jekk tixtieq tistaqsi xi mistoqsijiet jew għandek xi dubji idħol fis-sit [email protected] jew inkella tista’ ċċempel ukoll lid-direttorat. Inkella tista’ tkellem lil GU Clinic li jinsab f’Mater Dei.

Kif għandek tagħtas jew tisgħol f’post pubbliku biex ma żżidx il-mikrobi?
Fis-sajf jiżdiedu n-nies f’postijiet pubbliċi, bħat-trasport pubbliku per eżempju. X’tista’ tagħmel persuna biex tillimita t-tixrid tal-mikrobi?
“Jekk se tagħtas, għamel dan fil-minkeb jew inkella f’tissue. Importanti li wieħed joqgħod attent għaliex jekk se jagħtas f’idejh u se jmiss affarijiet oħrajn, se jkompli jxerred il-mard.
“Ġorr pakkett tissues u armieh jew inkella żomm pakkett bil-wipes biex timsah idejk sew wara.”
Hawnhekk tfakkar fl-importanza tal-ħasil tal-idejn kemm jista’ jkun drabi, imma speċjalment wara li tuża t-toilet.

Se nsiefer f’pajjiż li għadu qed jiżviluppa. X’għandi nagħmel?
U finalment, fis-sajf ħafna Maltin isiefru u ħafna bdew jagħżlu pajjiżi li huma ’l bogħod, fejn forsi il-livelli ta’ sanità huma baxxi. X’għandha tagħmel persuna qabel tmur dawn it-tip ta’ pajjiżi?
“Importanti li l-ewwel u qabel kollox tara x’vaċċin għandek bżonn u importanti li tieħdu minn ftit qabel għax ċerti vaċċini jdumu aktar ma jaħdmu minn oħrajn.”
Tkompli tinsisti u twissi: “f’ċerti pajjiżi tiekolx ikel nej u tixrobx ilma mill-vit. Ixrob biss ilma mill-flixkun u ara li dak il-flixkun ikun issiġġillat sew. Jekk tħoss sintomi mhux normali ċempel lit-tabib. Anke jekk tħoss sintomi meta tiġi lura, ċemplilna u nagħtuk parir.”
“U tinsiex ħu l-mediċini miegħek, għal li jista’ jinqala’.”
80-85 każ kull sena... tibżax tfittex l-għajnuna
Kull sena jkun hemm bejn 80 u 85 każ ta’ melanoma. Madwar każ minn kull tmienja jwassal għall-mewt.
Jekk tara bħal tebgħa li qed tikber u tinbidel fid-daqs u fil-kulur għamel kuntatt mad-direttorat.
Tibżax tfittex l-għajnuna.


