B’finanzjament mill-Fond għas-Soċjetà Ċivili, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju f’isem is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, sitt organizzazzjonijiet fi ħdan is-soċjetà ċivili bbenefikaw minn total ta’ €348,000 f’għajnuna sabiex jibqgħu attivi fuq livell Ewropew.
Waqt din iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima filwaqt li qassam l-għotjiet finanzjarji lir-rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet, qal li l-gvern jirrikonoxxi l-importanza li għandhom dawn l-organizzazzjonijiet f’pajjiżna, u li qed jaġixxi b’mod responsabbli meta qiegħed jalloka fondi nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed ikomplu jsemmgħu leħen Malta fis-sessjonijiet plenarji tal-EU. Kompla jgħid li d-determinazzjoni u d-dedikazzjoni tan-nies li jwettqu xogħol fl-għaqdiet volontarji huwa essenzjali ħafna għax itejjeb id-dinjità tal-bniedem.
Il-Fond tas-Soċjetà Ċivili huwa maħsub biex jipprovdi lill-applikanti b’għajnuna finanzjarja bil-għan li tiġi ffaċilitata l-affiljazzjoni tagħhom u l-parteċipazzjoni fi gruppi, assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet, networks ta’ konfederazzjoni u taħriġ relatat mal-politika/programmi tal-UE. L-organizzazzjonijiet li bbenefikaw minn dan il-fond huma l-General Workers Union, il-General Retailers and Traders Union, il-Malta Chamber of SME’s, il-Union Ħaddiema Magħqudin, il-Malta Employers Association, il-Forum Unions Maltin u il-Malta Developers Association.
Waqt din il-presentazzjoni ġie mħabbar ukoll il-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat li jiġi organizzat mill-2011 mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Din is-sena il-Pemju Nazzjonali tal-Volontarjat ser jerġa’ jkun ikkumplimentat permezz ta’ tliet premjijiet oħra li huma l-Premju Voluntier Żgħażugħ/a, il-Premju Organizzazzjoni Volontarja u l-Premju Speċjali għal-Ħidma Volontarja fil-Komunità. Ma’ dawn ser jingħata il-Premju Speċjali għal Servizz fil-Volontarjat tul il-Ħajja. L-għan tal-premjijiet nazzjonali huwa li jagħtu rikonoxximent wiesa’ għas-servizzi li jsiru mill-voluntiera u l-organizzazzjonijiet volontarji fi ħdan il-komunità.