Sitt anzjani, residenti f’Casa Francesco f’Santa Venera, ġew infettati bl-iscabies.
Dan kien irrapportat dalgħodu mit-Times of Malta, bil-manager Simona Barariu tikkonferma mas-sit illum.com.mt li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex l-iscabies ma tkomplix tinfirex.
Hija spjegat kif meta kellhom il-konferma mill-Isptar Pawlu Boffa, is-Sezzjoni għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Infezzjonijiet issejħu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
L-iscabies tinfirex faċilment, kemm jekk ikun hemm kuntatt ta’ ġilda ma ġilda jew saħansitra mill-ħwejjeġ u l-lożor.
Simona Barariu spjegat kif ġew infurmati l-qraba tal-anzjani kollha biex kemm jista’ jkun, għalissa, jevitaw li jmorru fid-dar.
Qalet ukoll li saru testijiet lill-anzjani kollha u anke lill-istaff.