Il-presepju Malti li kien sar fl-2016 għall-Pjazza tal-Vatikan u li s-sena ta’ wara kien espost ukoll f’Betlem, din is-sena se jerġa’ jħalli Malta hekk kif se jkun għall-wiri fil-Villaġġ tal-Milied tal-Kampus tal-Università ta’ Vjenna.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li spjega kif permezz ta’ din l-inizjattiva, il-kultura Maltija se tkun esposta lil hin minn xtutna.
“Din se tkun opportunità oħra kbira biex il-ħila tal-artisti Maltin tintwera f’post ċentrali fejn kull sena mas-600,000 persuna minn Vjenna u eluf oħra ta’ turisti u nies lokali li jżuru dan is-suq tal-Milied, li hu wieħed mill-akbar fl-Awstrija,” saħaq il-Ministru.
Owen Bonnici ħabbar ukoll li waqt l-inawgurazzjoni tal-Presepju Malti, l-ewwel kor nazzjonali ta’ pajjiżna – KorMalta - se jkun qed ikanta għanjiet tradizzjonali tal-Milied.
L-ambjent tal-post ġo Vjenna, kif ukoll it-temp kien jitlob li jkun hemm modifikazzjoni strutturali min dik kif ġie immontat fit-tliet snin ta’ qabel.
Madanakollu se jinżammu ħafna mill-istatwi orġinali li ġew maħluqa u mlibbsa mill-artist Għawdxi Manwel Grech.
Ix-xenarju ċentrali fejn twieled Ġesù Bambin ġie maħluq mill-ġdid u ngħata dehra aktar tipika ta’ presepju Malti.
Il-grotta ġiet iddisinjata u manifatturata mis-Sur Jennings Falzon bil-għajnuna tas-sur Norman Hill.
Huma ħadmu taħt il-gwida u bis-sehem ta’ uffiċjali mid-Direttorat tal-Kultura mmexxija Emanuel Vella u l-Perit Paul Buhagiar u Herbert Debattista.
Il-presepju Malti se jiġi nawgurat fil-15 ta’ Novembru mill-President ta’ Malta George Vella fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Is-Sindku ta’ Vjenna Dr Michael Ludwig mistenni jattendi wkoll.
L-inizjattiva kienet possibbli anke bl-assistenza u l-għajnuna ta’ Natasha Meli-Daudey, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta fl-Awstrija.