Pietru mill-ġdid fil-gżira ta’ Pawlu; iż-żjarat tal-Papiet f’Malta
Wara 30 sena, il-Papa se jerġa’ jżur ukoll il-gżira Għawdxija. Żjara lis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu mhix se tonqos.
minn Yendrick Cioffi
Tliet xhur qabel ir-raba’ Vjaġġ Appostoliku ta’ Papa f’Malta, il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aktar mumenti sinifikanti taż-żjarat tal-Papiet f’Malta
Bla dubju ta’ xejn, waħda mill-aħbarijiet ewlenin ta’ dan ix-xahar, kienet dik li l-Papa Franġisku se jkun qed iżur lil Malta fil-31 ta’ Mejju li ġej.
F’dan l-artiklu, hekk kif Malta bdiet tħejji biex tilqa’ l-266 suċċessur ta’ Pietru, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tfakkar fl-aktar mumenti sinifikanti taż-żjarat tal-Papiet f’Malta u għalhekk tagħti idea ta’ dak li jista’ jkun qed jagħmel f’pajjiżna l-Papa Franġisku.
L-ewwel żewġ versi tal-kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli dejjem kienu fiċ-ċentru tal-żjarat tal-Papiet f’Malta. “Meta ħlisna mill-għarqa sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tal-gżira ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha,” naqraw f’dawn il-versi li jirrakontaw in-nawfraġju ta’ San Pawl.
Huma versi li l-Maltin Insara jagħmluhom kburin u jiftaħru bihom quddiem il-Papiet. Lill-Papa Franġisku ma kellhomx għaliex ifakkruh. Kien hu li riċentament ftaħar bl-akkoljenza tal-Maltin waqt Udjenzi Ġenerali u fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl.
Ġwanni Pawlu: l-ewwel Papa li rifes fuq Malta
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, illum qaddis, kien l-ewwel Kap tal-Knisja Kattolika li rifes fuq Malta. Għalhekk, kif wieħed jistenna, il-laqgħa li tawh il-Maltin kienet enormi. Il-Papa kien għamel tlett ijiem qalb il-Maltin, bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju 1990.
It-toroq minn kull fejn għadda kienu mżejna u ppakkjati bin-nies. Fjuri u karti nxteħtu mill-gallarijiet. Ħarġu l-baned, inħaraq in-nar u l-Bormliżi, b’mod spontanju ħarġu l-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u mxew biha wara l-Papa sa Cafè Riche fejn ma kinux kuntenti qabel il-Papa lemaħha u semmieha.
Kienet l-ewwel darba li l-Maltin setgħu jilqgħu lis-suċċessur ta’ Pietru fuq il-gżira ta’ Pawlu u għalhekk għamlu minn kollox biex iħossu milqugħ. Għalhekk kantaw:
‘Viva l-Papa Ġwanni Pawlu
li għoġbu jżur lil Malta tagħna.
Għamel bħal tal-Ġnus l-Appostlu,
għall-ftit żmien joqgħod hawn magħna.’
Għalhekk, ma setax jonqos, li waħda mill-avvenimenti ewlenin kienet iż-żjara tal-Papa fil-Grotta ta’ San Pawl, fejn jingħad li Pawlu għex tul it-tliet xhur li għamel f’Malta. Jibqa’ mnaqqax f’qalb ir-Rabtin il-mument meta l-Papa poġġa waħdu f’bank, f’nofs il-Kolleġġjata Pawlina, jitlob fi knisja armata sa snienha.
Il-Papa Pollakk kien iltaqa’ mar-reliġjużi u s-saċerdoti fil-Kon Katidral u bħala Kap ta’ Stat, kellu laqgħa mal-President u l-awtoritajiet ċivili fil-Palazz tal-Belt Valletta.
Ġwanni Pawlu kien iltaqa’ wkoll mal-qraba tal-missjunarji fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u reħielha lejn Għawdex fejn kellu laqgħa sabiħa fil-Katidral tal-Assunta. Ma setax jonqos, li l-Papa jżur is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, fejn qaddes quddiesa u saħansitra poġġa madwar ras ix-xbieha devota tal-Madonna ħames stilel.
X’aktarx li l-aktar mument spettakolari ta’ din iż-żjara kienet id-dawra tal-Papa minn Għawdex lura lejn Malta abbord katamaran. Imdawwar b’għadd kbir ta’ bċejjeċ tal-baħar, il-Papa ttieħed biswit il-Gżejjer ta’ San Pawl fejn assista għall-inżul ta’ statwa ta’ Kristu f’qiegħ il-baħar u wara ddaħħal fil-Port il-Kbir, qalb is-salut tal-kanuni u l-għajjat tan-nies minn fuq is-swar.
Kellu laqgħa ħelwa mat-tfal tal-iskejjel, quddiem in-Nunzjatura l-antika f’Ħ’Attard u ż-żgħażagħ tawh merħba kbira fl-istadjum nazzjonali.
Laqgħa oħra sinifikanti kienet fil-Kottonera, fejn il-Papa ltaqa’ mal-ħaddiema Maltin, bl-appell imqanqal tal-Papa kontra l-inġustizzja. Il-Papa kellu wkoll laqgħa ekumenika fil-Katidral tal-Imdina.
Iż-żjara ta’ Ġwanni Pawlu kienet intemmet b’quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana.
X’kien qal Ġwanni Pawlu II wara l-ewwel żjara f’Malta?
Fl-ajruport, qabel ħalla Malta, il-Papa kien qal: “Fil-ħin kollu li kont Malta bqajt impressjonat bil-mod kif il-Maltin huma marbuta bis-sħiħ mal-wirt kulturali u reliġjuż tagħhom. Ix-xewqa tagħkom li tkunu fidili lejn dan il-wirt prezzjuż waqt li fl-istess ħin tistinkaw biex tippromwovu l-iżvilupp tagħkom għall-ġid ta’ kulħadd hu ċertament sinjal ta’ tama qawwija għall-ġejjieni ta’ Malta. It-tradizzjonijiet tagħkom huma xhieda tal-għaġeb tal-karattru nazzjonali tagħkom u tal-identità tagħkom. Jalla jibqgħu jmexxukom u jsaħħukom fid-determinazzjoni tagħkom.
Ftit jiem wara, fl-ewwel Udjenza Ġenerali wara ż-żjara, kien qal hekk: “Minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta hija pajjiż b’importanza internazzjonali kbira. Il-qagħda ġeografika tagħha ffavoriet il-laqgħa ta’ kulturi u idjomi differenti. Illum ukoll Malta għadha tħaddan din il-vokazzjoni ta’ medjazzjoni fost il-ġnus tal-baħar mediterran kollu. Nittama li hija tagħraf tissokta f’din il-missjoni naturali tagħha, mingħajr ma tirrinunzja għall-patrimonju prezzjuż ta’ valuri li kisbet mill-ġenerazzjonijiet li għaddew.”
Ftit xhur wara, Ġwanni Pawlu jirritorna Malta ... iżda mhux fuq żjara uffiċjali
X’aktarx li ftit huma dawk li jiftakru li tliet xhur wara, il-Papa Ġwanni Pawlu II reġa’ niżel Malta, iżda din id-darba mhux fuq żjara uffiċjali.
Fl-1 ta’ Settembru tal-1990, il-Papa kien fi triqtu lejn it-Tanżanija meta l-ajruplan ġarrab xi ħsarat tekniċi. Il-bdot ma ħax riskju u niżżel l-ajruplan f’Malta.
Dam Malta kważi 30 minuta. Abbord l-ajruplan kienu telgħu l-President Ċensu Tabone, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, il-Viċi Prim Ministru Guide de Marco, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u l-Isqof ta’ Għawdex Nikol Cauchi.
Il-Papa Ġwanni Pawlu ma kienx niżel, iżda qabel kompla bil-vjaġġ, kien ħareġ fil-bieb tal-ajruplan biex isellem lill-ħaddiema tal-ajruport.
Fuq il-passi ta’ Pawlu: Ġwanni Pawlu jerġa’ jiġi u jagħti lil Malta tliet Beati
Ġwanni Pawlu II, issa aktar anzjan u viżibbilment magħkus bil-marda tal-Parkinson’s, reġa’ wasal Malta fit-8 ta’ Mejju 2001. It-tema Pawlina kienet aktar ċentrali. Malta kienet l-aħħar tappa tal-pellegrinaġġ tiegħu fuq il-passi ta’ Pawlu li ħadu wkoll is-Sirja u l-Greċja.
Kienet żjara qasira, iżda daqstant ieħor sinifikanti. Din id-darba l-Papa ma ġiex b’idu f’idu. Fl-għodwa tad-9 ta’ Mejju tal-2001, fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Papa bbeatifika tliet Maltin, Dun Ġorġ Preca, Adeodata Pisani u Nazju Falzon.
Lil Dun Ġorġ, Ġwanni Pawlu kien iddeskrivieh bħala: “it-tieni missier tal-Maltin fil-fidi.”
Qabel ħalla Malta, fl-ajruport, il-Papa kien qal hekk: “Fl-Atti tal-Appostli, San Luqa jikteb li l-Maltin “urew ġieħ kbir lil San Pawl u sħabu, u meta ġew biex jitilqu, għabbew fuq il-ġifen kulma kien jeħtieġu” (Atti, 28:10). Spiritwalment jiena kelli din l-istess esperjenza u ser nitlaq infaħħar ’l Alla f’qalbi għalikom lkoll. Grazzi Malta, il-Bambin iberikkom ilkoll!”
San Pawl iġib Malta wkoll lill-Papa Benedittu XVI
“Jien kuntent ħafna li ninsab fostkom.” Dawn kienu l-ewwel kelmiet tal-Papa Benedittu XVI li żar Malta bejn is-17 u t-18 ta’ April tal-2010.
Benedittu XVI kien żar Malta fl-okkażjoni tal-1950 anniversarju min-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u għalhekk San Pawl kien fiċ-ċentru ta’ din iż-żjara. Anke jekk iż-żminijiet jinbidlu, għall-Maltin reġgħet kienet festa kbira u minn kull fejn għadda l-Papa, it-toroq kienu ppakkjati bin-nies ixejru l-bnadar sofor u bojod.
Fil-fatt, ftit wara li wasal Malta, wara l-laqgħa uffiċjali mal-awtoritajiet ċivili u wara l-laqgħa ħelwa mat-tfal fi Pjazza San Ġorġ, fejn kantawlu f’għeluq sninu, il-Papa reħielha lejn ir-Rabat fejn iltaqa’ mar-reliġjużi u l-kleru u niżel jitlob fil-Grotta ta’ San Pawl.
Fit-18 ta’ April, il-Papa kien qaddes fuq il-Fosos tal-Furjana. Qabel il-quddiesa kien waqaf jitlob quddiem l-istatwa ta’ San Publiju u wara l-quddiesa kien poġġa warda tad-deheb quddiem ix-Xbieha tal-Madonna ta’ Pinu li nġiebet minn Għawdex apposta.
Waranofsinhar, il-Papa kien iltaqa’ b’mod spontanju, ’il bogħod mill-kameras, mal-vittmi tal-abbuż sesswali minn membru tal-kleru.
Abbord il-katamaran, kien wasal fil-Port il-Kbir għal-laqgħa kbira oħra maż-żgħażagħ fil-Valletta Watefront, qabel telaq lura lejn l-ajruport biex jirritorna fil-Vatikan.
X’appell kien ta lill-Maltin?
Qabel telaq, il-Papa kien qal hekk: “Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha fil-qalba tal-Mediterran, ħafna immigranti jaslu fuq xtut Malta ... Jien naf bid-diffikultajiet li jista’ jikkaġuna l-ilqugħ ta’ għadd kbir ta’ nies, diffikultajiet li ma jistgħux ikunu solvuti minn xi pajjiż waħdu meta jaslu l-ewwel fih. Fl-istess ħin jien fiduċjuż li, bis-saħħa tal-għeruq Insara tagħha u l-istorja twila u kburija fl-ilqugħ tal-istranjieri, Malta se tagħmel li tista’, bl-appoġġ ta’ stati oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tgħin lil dawk li jaslu hawn u tiżgura r-rispett tad-drittijiet tagħhom.”
Temm jappella lill-Maltin: “Kunu ta’ eżempju, f’artkom u barra minn artkom, ta’ ħajja Nisranija dinamika. Kunu kburin bis-sejħa Nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom. Ħarsu lejn il-futur b’tama, b’rispett profond għall-ħolqien ta’ Alla, b’reverenza għall-ħajja umana, u bi stima għolja għaż-żwieġ u għall-integrità tal-familja! Kunu wlied denji ta’ San Pawl.”
Franġisku fil-gżira ta’ Pawlu...
Il-versi tal-Atti tal-Appostli, li dwarhom il-Papa Franġisku rrifletta fl-aħħar ġimgħat, se jerġgħu jġibu lis-suċċessur ta’ Pietru f’Malta. Huwa u jirrifletti fuq dawn il-versi, il-Papa qal: “Il-Maltin huma twajba, huma ġentili, huma akkoljenti, diġà sa minn dak iż-żmien.”
Diġà rajna li l-Papiet, meta żaru Malta, għamlu referenza għall-missjoni li għandha Malta bħala gżira f’nofs il-Mediterran, b’Benedittu XVI jagħmel referenza ċara għall-kriżi tal-immigrazzjoni. Fir-riflessjonjiet tiegħu, il-Papa Franġisku diġà qabbel in-Nawfraġju ta’ Pawlu mal-perikli li jiltaqgħu magħhom dawk li qed jaħarbu l-gwerer u l-ostilità li jiffaċċjaw wara. Minn kliemu, jidher ċar li din se tkun tema ċentrali fiż-żjara tal-Papa Franġisku. Fil-fatt, l-Isqfijiet diġà qalu li l-Papa esprima x-xewqa li jżur l-immigranti meta jkun Malta.
Se tkun żjara qasira, iżda wieħed diġà jista’ jikkonkludi li se tkun waħda sinifikanti u mimlija ġesti.
Hekk kif it-tema taż-żjara hija mill-ġdid Pawlina, bħall-preduċessuri tiegħu, żjara lill-Grotta ta’ San Pawl hija essenzjali.
Wara 30 sena, il-Papa se jerġa’ jżur ukoll il-gżira Għawdxija. Żjara lis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu mhix se tonqos u dan ikkonfermah ukoll l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, Monsinjur Mario Grech.
Il-Fosos tal-Furjana, li raw l-istorja tal-pajjiż tinkiteb, x’aktarx li se jerġgħu jilqgħu wkoll lis-Suċċessur ta’ Pietru għall-Quddiesa.
Jekk Franġisku hux se jaqsam il-Port bil-katamaran għadu ħadd ma jaf. Jekk kif qed jingħad, iż-żjara tkun estiża fuq jumejn, hemm ċans kbir li dan jerġa’ jseħħ ukoll.
Li hu ċert huwa li l-Papa mhux se jħalli Malta mingħajr ma jsellem liż-żgħażagħ li tant huma għal qalbu.