L-aħħar żviluppi fil-Korp tal-Pulizija mhux mistennija jaffettwaw iż-żjara tal-Papa Franġisku

L-ILLUM tistaqsi lill-Korp, lill-Kurja u lill-Gvern dwar jekk l-arrest ta’ 41 pulizija tat-traffiku jistax b’xi mod jaffettwa ż-żjara tal-Papa f’Malta...

Minkejja li t-Taqsima tat-Traffiku fi ħdan il-Korp tal-Pulizija tista’ tgħid li kważi kważi tinsab staġnata minħabba l-arrest ta’ xejn inqas minn 41 uffiċjal, wara investigazzjoni dwar abbuż mis-sahra, la l-Gvern, la l-Kurja tal-Arċisqof u lanqas l-istess Korp ma huma qed jaqtgħu qalbhom miż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta fi żmiet tliet xhur oħra.

Kif wieħed jista’ jimmaġina, żjara bħal din titlob organizzazzjoni kbira. Il-Korp tal-Pulizija jilgħab parti importanti mhux biss minħabba s-sigurtà iżda b’mod partikolari fejn jidħol l-immaniġġjar tat-traffiku, biex ma nsemmux l-iskorta tal-Papa.

Għalhekk il-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsi lill-Korp tal-Pulizija u anke lill-Kurja tal-Arċisqof dwar jekk l-aħħar żviluppi fil-Korp, jistgħux b’xi mod, jaffettwaw iż-żjara tal-Papa Franġisku, fil-31 ta’ Mejju li ġej.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Korp tal-Pulizija ma jidhirx li qed jaqta’ qalbu, anzi saħaq li “kemm-il darba fil-passat kellu avvenimenti kbar u fit-tul, fejn anke ħadem ma’ entitajiet oħra u kollha kienu ta’ suċċess.”

Kelliem għall-Korp diġà beda jħejji u jiddiskuti l-avvenimenti u dak kollu li hemm bżonn isir.

“Diskussjonijiet saru wkoll mal-awtoritajiet tal-Knisja u entitajiet oħra li jassistu f’avvenimenti bħal dawn fejn jidħlu r-riżorsi umani u l-amministrazzjoni loġistika,” saħaq il-Kelliem.

Min-naħa tagħha, il-Kurja tal-Arċisqof fakkret li ħatret kumitat organizattiv interdjoċesan u l-Gvern, min-naħa tiegħu, ħatar kumitat organizattiv nazzjonali li qed jaħdmu flikien.

Kien għalhekk li l-Kurja talbitna ngħaddu dawn il-mistoqsijiet lill-Kelliem tal-Gvern, Matthew Carbone, li huwa wkoll membru fil-kumitat organizattiv tal-Gvern.

L-ILLUM staqsiet lill-Gvern jekk bdewx diskussjonijiet mal-Korp u jekk is-sitwazzjoni fil-Korp, partikolarment fit-Taqsima tat-Traffiku, tistax b’xi mod taffettwa din iż-żjara.

Fit-tweġiba tiegħu, il-kelliem tal-Gvern ikkonferma li bdew id-diskussjoniijet, inkluż fuq ir-rotot, l-arranġamenti tat-traffiku u anke s-sigurtà.

“Żgur li Malta se tkun imħejjija tajjeb, kif ġara b’suċċess fil-passat,” temm jgħid il-kelliem.

 

More in Socjali