Azzjoni f’waqtha minn kuntistabbli wasslet biex tiġi salvata l-ħajja ta’ tifla ta’ sentejn, li kienet qiegħda tifga.
Nhar it-Tnejn filgħaxija, għall-ħabta tas-7:30 p.m, waqt li l-Pulizija tal-Komunità Andrew Caruana kien qiegħed fuq ronda bil-pass, fi Triq San Publiju, ir-Rabat, sema’ kommossjoni kbira ġejja minn residenza privata u għalhekk ħabbat il-bieb, identifika ruħu bħala pulizija u daħal. Hemmhekk sab tifla li dehret qed tbati biex tieħu n-nifs u induna li kienet qiegħda tifga f’xi ħaġa u beda jtiha l-ewwel għajnuna, sakemm minn ħalqha ħarġet biċċa laħam.
It-tifla dehret li bdiet tirkupra millewwel però xorta ttieħdet għand tabib għall-osservazzjoni. Iżjed tard, il-Kuntistabbli Caruana ġie infurmat mill-familjari li t-tifla tinsab f’qagħda tajba u li grazzi għall-azzjoni immedjata tiegħu, ġiet salvata l-ħajja ta’ binthom.