Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li tliet anzjani oħra mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.
Fl-ewwel każ anzjan ta’ 70 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-16 ta’ Novembru, miet ilbieraħ fir-residenza St Vincent de Paul. Fit-tieni każ anzjana ta’ 73 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fl-1 ta’ Novembru, mietet aktar kmieni llum fl-Isptar Mater Dei. Fit-tielet każ anzjan ta’ 80 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-6 ta’ Novembru, miet aktar kmieni llum fl-Isptar Mater Dei.
Dan ifisser illi it-total ta' persuni li tilfu ħajjithom waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19, minn Marzu, tela' għal 128.