Il-Jum Dinji tal-Kanċer jiġi ċċelebrat propju għada l- 4 ta' Frar. Il-Parlament Ewropew (PE) fl-aħħar sigħat wera' l-appoġġ tiegħu għall-'Pjan tal-Kanċer tal-UE' żvelat mill-Kumissjoni Ewropea. Dan il-pjan hu strutturat madwar erba' oqsma prinċipali li huma prevenzjoni, sejbien bikri, dijanjosi flimkien ma' trattament u titjib tal-kwalità tal-ħajja. Il-baġit tal-UE assenja €4 biljuni biex jindirizza l-kanċer, inkluż programmi bħal EU4Health u l-programm Ewropa Diġitali.
Bosta Membri Parlamentari Ewropej tkellmu fil-Kumitat Specjali tal-PE kontra l-Kanċer fosthom Bartosz Arłukowicz, MEP Pollakk mill-Partit Popolari Ewropew li qal:
“Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-ġlieda kontra l-kanċer kienet fuq nett tal-aġenda tal-Parlament u wasslet għat-twaqqif tal-Kumitat Speċjali kontra l-Kanċer. F'nofs il-pandemija tal-COVID-19, ma nistgħux ninsew dwar din il-marda li toqtol 1.3 miljun Ewropew kull sena, u li għaliha m'hemm l-ebda tilqima li tista' teliminaha għal kollox."
Tkellmet ukoll Véronique Trillet-Lenoir, MEP Franċiża mill-Partit Renew Europe li qalet illi "aktar minn 40% tal-kanċer jista' jiġi evitati jekk jiġu indirizzati fatturi li huma riskju għas-saħħa individwali, soċjali, ambjentali u kummerċjali. Fost riskji li jwasslu għall-kanċer nsibu il-konsum tat-tabakk u l-alkoħol u anke nuqqas ta' sigurtà fuq il-post tax-xogħol, speċjalment fejn il-ħaddiem ikun espost għall-ammont sostanzjali ta' kimiċi perikolużi."
Għada, l-4 ta' Frar, il-kumitat speċjali kontra l-kanċer se jkun qed jiddiskuti l-pjan tal-Kanċer mal-Kummissarju għas-saħħa Stella Kyriakides mis-16:45 sas-18:45.