Il-pandemija tnaqqas is-serq, l-abbuż sesswali u l-pickpocketing iżda żżid il-vjolenza domestika

Il-krimonologu Saviour Formosa jispjega mal-ILLUM l-effett tal-pandemija fuq il-kriminalità f’Malta...

Il-pandemija ħalliet l-effett tagħha fuq kollox inkluż ukoll fuq ir-rata u r-reati kriminali l-aktar komuni u għalhekk, ir-rapport annwali dwar il-kriminalità f’Malta irid jittieħed f’dan il-kuntest. Fil-fatt, peress li tul l-2020 kien hawn inqas nies, għax naqas it-turiżmu u kien hawn inqas attivitajiet soċjali, naqsu wkoll l-opportunitajiet għall-aggressuri. 

Minkejja dan, il-kriminologu Saviour Formosa, saħaq mal-gazzetta ILLUM li dan ir-rapport jixħet aktar dawl fuq il-kriminalità lokali, jiġifieri dawk ir-reati li għandhom x’jaqsmu mar-residenti f’Malta u li forsi minħabba li reati oħra jagħmlu aktar ħoss, sa issa ma kinux qed jidhru daqshekk.

Il-vjolenza domestika l-aktar dik psikoloġika tiżdied drastikament

Sfortunatament, fost ir-reati l-aktar li żdiedu tul is-sena li għaddiet, Formosa għamel enfasi partikolari fuq il-vjolenza domestika. Anke jekk fakkar li rapporti ta’ vjolenza domestika kienu ilhom mill-2007 jiżdiedu (anke għax kibret il-kuxjenza), fl-aħħar sena kienet irreġġistrata żieda sostanzjali fil-każi. Spjega wkoll kif aktar milli vjolenza fiżika, żdiedet ħafna l-vjolenza psikoloġika.

Fil-fatt, fl-2020, kienet irreġistrata żieda ta’ 24%, jew żieda ta’ 319-il każ ta’ vjolenza domestika, biex b’kollox il-Pulizija rċeviet 1,645 rapport. Minn fost iż-żieda ta’ 319-il każ, 316 kienu jinvolvu vjolenza psikoloġika.

Il-każi ta’ vjolenza domestika fl-2020 kienu jammontaw għal 12.6% tar-reati totali.

Saviour Formosa
Saviour Formosa

Aktar nies fid-djar ... aktar reati bil-kompjuter

Saviour Formosa rrimarka wkoll kif tul din l-aħħar sena żdiedu r-reati marbuta mal-użu ħażin tal-kompjuter. 

“Aktar nies kienu d-dar jew kienu qed jaħdmu mid-dar u għalhekk kien hemm żieda fil-każi ta’ reati marbuta mal-kompjuter,” saħaq Formosa. “Jista’ jkun li anke f’dan iż-żmien se ninnutaw żieda oħra f’dawn ir-reati.”

Fil-fatt, f’sena waħda biss, kien hemm 44% aktar reati marbuta mal-kompjuter, fejn il-Pulizija, b’kollox, investigat 240 każ.

Ħasil ta’ flus, droga u prostituzzjoni ... aktar suċċessi għall-Pulizija

Matul is-sena li għaddiet, kienet irreġistrata żieda wkoll fil-każi ta’ ħasil ta’ flus, il-prostituzzjoni u anke d-droga.

Formosa saħaq li aktar milli żieda fir-reati, dan huwa riżultat ta’ aktar effiċjenza min-naħa tal-Pulizija li qed tkun proattiva u taqbad dawn ir-reati, aktar u aktar meta tqis li dawn, partikolarment il-prostituzzjoni u d-droga, mhumiex reati li dwarhom se jidħlu ħafna rapporti.

Jekk nieħdu, pereżempju, ir-reati ta’ ħasil ta’ flus, fl-2020 dawn żdiedu b’192%, fejn b’kollox, il-Pulizija investigat 105 każi. Fl-2019 kien hemm 36 każ u fl-2018 kien hemm 33 każ. 

Formosa saħaq li dan huwa riżultat dirett ta’ kemm il-proċess ta’ riforma, il-metodoloġija użata u s-sorveljanza, minn naħa tal-Pulizija, anke bis-saħħa ta’ teknoloġija ġdida, qed tħalli riżultati.

Pandemija ... effett dirett

Mal-krimonologu tkellimna aktar fid-dettall dwar l-effett tal-pandemija fuq il-kriminalità.

Fost oħrajn semmejna r-reati marbuta mal-pickpocketing. Għalkemm dan l-aħħar kienu qed jonqsu (anke għax qed jiżdied l-għarfien u allura persuna toqgħod aktar attenta), f’sena waħda biss, il-każi naqsu b’70%. Fil-fatt, fl-2019, il-Pulizija investigat 819-il każ ta’ pickpocketing. Fl-2020 investigat 242 każ.

Formosa fakkar kif ġeneralment, dawk li jwettqu pickpocketing, ikunu gruppi ta’ persuni barranin li jimxu minn pajjiż għall-ieħor u dan jista’ jispjega għaliex il-każi naqsu daqshekk f’sena.

Fejn jidħol serq, kien irreġġistrat tnaqqis tista’ tgħid fil-kategoriji kollha, għajr mis-serq minn siti ta’ kostruzzjoni (li baqgħu joperaw fi żmien il-pandemija), serq minn fabbriki mill-impjegati stess, serq minn fabbriki vojta, serq minn irziezet u għelieqi, serq minn binjiet tal-Gvern, serq minn residenti vojta, serq minn ġonna u parapetti ta’ residenzi u anke serq minn fuq bċejjeċ tal-baħar.

Is-serq mir-residenzi naqas għall-inqas livell mill-2007 ‘l hawn. Fil-fatt, is-sena li għaddiet, il-Pulizija investigat 243 każ inqas mill-2019, x’aktarx rifless tal-fatt li ħafna nies kienu magħluqa fi djarhom minħabba l-miżuri restrittivi. 

Formosa spjega wkoll kif naqsu wkoll reati marbuta ma’ ħsarat, ġrieħi fuq persuni, ingann, offiżi sesswali (li kienu qed jiżdiedu sena wara l-oħra) u vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi, bħall-Pulizija, riżultat tal-fatt li ħafna mill-ħajja soċjali tagħna kienet sospiża u ħafna mill-postijiet ta’ divertiment u fejn jinġemgħu n-nies kienu magħluqa.

Reati marbuta mal-bars, ir-ristoranti, il-lukandi, il-bajjiet u żoni ta’ rikreazzjoni, naqsu wkoll bi 80%.

F’San Ġiljan, li jinkludi ħafna mill-postijiet ta’ divertiment, ir-reati naqsu minn b’48% bejn l-2019 u l-2020. Sal-2012, 19.5% tar-reati kollha kienu jseħħu f’San Ġiljan. Dan l-ammont naqas għal 9.1% fl-2019 u 5.6% fl-2020.

Suppost kien qed ikollna 5,000 reat aktar fis-sena...

Kien hawn li l-ILLUM fakkret lil Formosa li din mhijiex sitwazzjoni permanenti. Se jiġi ż-żmien meta t-turisti jerġgħu jibdew ġejjin u l-postijiet ta’ divertiment u ta’ rikreazzjoni jerġgħu jibdew jinfetħu. 

Se nserrħu rasna għax għal sena waħda naqsu ħafna r-reati? Formosa fakkar kif għalkemm kull sena kienu qed jiżdiedu t-turisti u għalhekk anke l-potenzjal jew l-opportunitajiet għall-aggressuri, jibqa’ l-fatt li sena wara l-oħra , għal dawn l-aħħar erba’ snin, ir-reati bdew jonqsu.

“Suppost ikollna 5,000 każ aktar kull sena,’ saħaq Formosa.

Fakkar li l-Istrateġija għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità ħalliet effetti pożittivi u għalhekk appella għal aktar edukazzjoni (inkluż fl-iskejjel) u aktar kuxjenza, għax fi kliemu, dawn huma strumentali biex jonqsu r-reati, anke jekk ikun hawn aktar opportunitajiet għalihom. Ir-rapport isemmi wkoll il-Community Policing li, fi kliemu, kellu u jista’ jibqa’ jkollu rwol importanti biex jippreveni l-kriminalità.

Punti oħra mir-rapport

  • 13,087 reat fl-2020, 2,502 reati inqas mill-2019
  • Is-serq, il-ħsarat, il-vjolenza domestika, il-frodi u l-vjolenza fiżika jammontaw għal 84.2% tar-reati kollha
  • Għawdex: Żieda fir-reati f’Marsalform u x-Xlendi
  • Ħabs: 908 residenti – Rekord ta’ residenti

More in Socjali