Telqu kmieni mill-iskola u spiċċaw fil-prekarjat. Imma kif se nwaqqfuh dan?

Audrey Friggieri - Il-Kummissarju dwar Vjolenza Domestika u Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u li ħadmet fis-sistema edukattiva għal ħafna snin tanalizza fuq l-ILLUM. Kif nistgħu nedukaw aħjar? Kif tista' s-sistema edukattiva tħalli riżultati aħjar? Kif se nwaqqfu milli aktar nies jitilqu mill-iskola kmieni?

Ilu ftit biss li bdiet sena skolastika ġdida. Awguri mill-qalb lill-edukaturi kollha – nixtiqilkom ħafna enerġija biex tibqgħu tiġġeddu u tħobbu u tgħinu mill-aħjar li tistgħu. Nawgura minn qalbi wkoll lill-edukaturi friski ġodda, dawk li għażlu l-edukazzjoni bħala l-professjoni tagħhom: agħrfu li se tkomplu titgħallmu kull ġurnata li se tirfsu fl-iskola u fil-klassi. Dak li tgħallimtu tul il-kors huwa biss il-bidu, għax mhux mill-universita’ jew minn istituzzjoni edukattiva jkun komplut it-tagħlim. Il-kors jissokta fl-inkontru ta’ kuljum mal-istudenti, ma’ kollegi, u mal-iskola innifisha. L-isfidi huma kbar, iżda l-edukaturi huma persuni speċjali wkoll, bil-‘poteri maġiċi’ saħansitra, meta nifhmu r-rwol tagħhom fil-ħajja tat-tfal u żgħażagħ minn ċkunithom. Aktarx li lkoll kemm aħna nibqgħu niftakru  dik l-għalliema jew għalliem speċjali  li xi darba bil-preżenza tagħhom xegħelulna naqra iktar dawl f’ħajjitna.

'Meta nedukaw inkunu qed nitrattaw mhux biss mal-istudent iżda mal-familja tagħhom ukoll!'

Kull student ġej minn x’imkien, u dan l-imkien huwa parti integrali minnhom. Meta nedukaw inkunu qed nitrattaw mhux biss mal-istudent jew studenta li jkollna quddiemna, iżda mal-familja tagħhom,  mal-ħbieb, ma’ dak li jaraw u jisimgħu, mar-riklami kontinwi kullimkien, u ma’ dak li jiġbidhom onlajn u ħafna iktar. Inkunu qed inħabbtu wiċċna mal-ambjent tagħhom kollu kemm hu imsomma. Dan hu l-kobor tal-inkontru mal-istudenti fejn  b’xi mod l-edukaturi  jgħinuhom jiskopru u jiżviluppaw lilhom infushom biex  jikkontribwixxu għal soċjeta’ aħjar.

Bħal kulħadd, it-tfal jiġu l-iskola magħġuna mill-ambjent li twieldu u qed jitrabbew fih, bl-istess mod li pjanti differenti jikbru u jwarrdu skont il-ħamrija li ż-żerriegħa tagħhom sabet ruħha fiha, biex ngħid hekk. F’dan is-sens, ħadd minna ma kellu għażla dwar l-art fejn kellha taqgħa ż-żerriegħa tagħna,  f’liema klima u kundizzjonijiet. B’hekk nistgħu nifhmu li ma jagħmilx sens il-ġudizzju u  wisq inqas il-kastig fl-edukazzjoni, mingħajr ma l-ewwel nippruvaw nidħlu fiż-żarbun ta’ dak it-tfajjel jew dik it-tfajla u nimxu ftit bih. Jaf ma nobsru qatt x’ikun għaddej minnu dak li jkun, u nħossuna mċekknin ħdejn il-ħruxijiet li jiġu esposti għalihom xi wħud minna. Mhux it-tfal iridu jinbidlu, iżda aħna l-kbar inkarigati li nedukawhom. Din il-bidla tgħin biex jinbeda djalogu bejn l-edukaturi u l-istudenti, proċess li jista’ jwassal lil kull min ikun involut biex tassew jifhem lilu nnifsu u l-kuntesti li ngħixu fihom (Cefai & Cavioni, 2015).

'Żgħażagħ iħossu li mingħajr kwalifiċi ma huma xejn!'

Din hija d-differenza li hemm bżonn issir fid-dinja tal-llum, fejn sistemi edukattivi jipprivileġġjaw il- valuri neo-liberali tal-kompetizzjoni, l-ittestjar, iċ-ċertifikati u l-marki għoljin (Giroux, 2015). Spiss iż-żgħażagħ jispiċċaw iħossuhom li mingħajr kwalifiċi m’huma xejn. Din hija inġustizzja u ferm ‘l bogħod mill-verita’. Niftakru li hemm ħafna tipi ta’ kwalifiċi,  u fis-soċjeta’ kontemporanja dejjem qed jinħolqu opportunitajiet ġodda li jagħtu l-ikbar valur lill-kwalitajiet personali taż-żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol, bħal ma huma l-intelliġenza emozzjonali,  il-kreativita’, l-attitudni pożittiva, ħiliet fil-komunikazzjoni li jippermettu lil dak li jkun jifhem u jkun kapaċi jmexxi u jgħin lil ħaddieħor,  il-ħsieb kritiku, u l-kunfidenza, fost oħrajn (Hora, 2020). Dan ma jfissirx li l-kwalifiċi akkademiċi li aħna mdorrijin bihom mhumiex importanti. Ifisser biss li hemm alternattivi, toroq differenti li jistgħu jappellaw għal żgħażagħ differenti, mhux neċessarjament toroq mogħtija prijorita’ fid-disinn tal-kurrikulu uffiċċjali.   

Kollox isir f’waqtu u f’ħinu, kif jgħidu. Hemm tfal li jikbru skont il-pjan li nħejjulhom, hemm oħrajn li  dan il-pjan ma jagħmel ebda sens fl-iżvilupp tagħhom, li ‘jwarrdu’ jew ‘jiżfnu’ b’rittmu differenti, u allura jkun żball kbir meta nistennew mingħandhom li jakkomodawna,  u niġġudikawhom għax skont ir-regolamenti stabbiliti ‘fallew’ jew huma ‘batuti’ (Erickson, 1987). Dawn it-tabelli jagħmlu ħsara kbira liż-żgħażagħ tagħna peress li jinjoraw jew jinsew  li parti kbira minn dak  li jiġri lill-bniedem huwa sistemiku (Lundahl & Brunila, 2020). Aħna lkoll niddependu minn ħafna fatturi biex naslu fejn naslu. L-edukazzjoni ta’ uliedna tirrifletti dan il-proċess sistemiku, li jimplika l-ambjent kollu li fih jgħixu l-istudenti: l-istorja tal-wild, il-qagħda finanzjarja, l-istabbilita’, l-edukazzjoni u s-saħħa tal-familja tal-wild,  il-kreativita’, l-livell ta’ kuntentizza u l-viżjoni tal-għalliema u ta’ min imexxi, aċċess għal riżorsi, u l-lista tkompli.

'It-teorija tinbet mill-ħajja tagħna ta’ kuljum'

L-edukatur u filosfu Paulo Freire (1972) emfasizza d-djalogu - inkontru kritiku bejn in-nies, kif ukoll il-prassi li takkumpanja dan il-proċess. Għal Freire, it-teorija tinbet mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, minn dak li jesperjenzaw in-nies. Huwa għalhekk li l-għeruq tal-ġustizzja jinsabu  fl-ideoloġija tal-ugwaljanza. Dawn il-valuri demokratiċi joffrulna tieqa oħra minn fejn inħarsu lejn id-dinja u jippermettulna nkunu kritiċi lejn dak li jiġri fiha. Meta niġġudikaw l-affarijiet skont raġunament binarju, eż:  iswed/abjad, suċċess/falliment, ħażin/tajjeb, maskil/femminil, inkunu qed niċħdu l-kumplessita’ tal-ħajja umana,  ir-realta’ intersezzjonali tal-opressjoni (Ledwith, 2020).

Matul iż-żminijiet l-edukazzjoni fissret ħafna affarijiet differenti fid-dinja, inkluż indottrinazzjoni. L-edukazzjoni fit-tifsira oriġinali tagħha  hija ferm u ferm ikbar mit-taħriġ fis-suġġetti, kif aktarx tfisser għall-maġġoranza tan-nies. Filfatt il-kunċett tal-edukazzjoni jfisser l-iżvilupp  sħiħ personali ta’ kull persuna  - ta’ ħsibijietha, tal-kreativita’ tagħha, tal-emozzjonijiet tagħha, tal-ħiliet u ta’ ruħha, u dan kollu jibqa’ jiżvolġi tul il-ħajja tal-bniedem kullimkien, fl-ambjenti varji  li jista’ jsib ruħu u skont il-ħtieġa wkoll.

Mhumiex ftit it-tfal li għalkemm intelliġenti u kapaċi, ma jkunux jistgħu jiffukaw fuq il-lezzjonijiet u fuq ir-regolamenti għal raġunijiet diversi,  u jirreaġixxu għal dak li jiġrilhom  b’mod li jista’ jiġi interpretat bħala ‘ħażin’ u li jimmerita li tingħata ‘konsegwenza’ (illum it-terminu ‘kastig’  ma tantx baqa’ jintuża fid-diskors edukattiv).  Dan jista’ jiġri iktar meta s-sistema ma tkunx imfassla biex tkun sensittiva għal kif realtajiet partikulari jinfluwenzaw il-ħajja u l-benesseri tat-tfal,  bħal ma huma per eżempju dawk relatati mal-klassi soċjali, mal-etniċita’, u l-identita’ tal-ġeneru. L-istess ħaġa tapplika  f’każijiet fejn l-għalliema ma jkunux imħarrġin biżżejjed biex jagħrfu s-sinjali ta’ problemi miġjuba  mill-ambjent li jgħixu fih it-tfal barra mill-iskola u kif għandhom iġibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt (Borg & Mayo, 2016; Giroux, 2018). Jeħtieġ li min ikun qed imexxi ma jiqafx fuq  il-ksur tar-regola  mingħajr ma jagħmel mill-aħjar biex jiskopri l-kawża ‘l hinn minn dak li jidher ovvju jew ‘tas-soltu’.  Sintendi, r-regolamenti għandhom il-valur u l-importanza tagħhom, għax mingħajrhom ikun hemm biss il-kaos, iżda l-kwistjoni hawn hija tal-kif nitrattaw ma’ imġieba ‘ħażina’.

'L-iskola tibqa' t-tama tagħna!'

Hemm ħafna tfal li jiġu l-iskola inkwetati u anke mbeżżgħa minħabba sitwazzjonijiet diffiċli u saħħansitra trawmatiċi li jinsabu fl-ambjent li jgħixu fih,  fosthom kunflitti kontinwi bejn il-ġenituri, abbuż verbali u emozzjonali, kif ukoll vjolenza domestika. Ta’ min infakkar li dan jista’ jiġri lill-adulti wkoll u importanti li fl-iskejjel ikun hemm iktar għarfien dwar kif għandna nieħdu ħsieb xulxin, u dwar x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu kollegi għaddejjin minn żminijiet diffiċli.

Mhux kulħadd jesprimi ruħu bl-istess mod. Hawn min juri u jitkellem dwar dak li jkun għaddej minnu, filwaqt li hemm min jippreferi jżomm kollox għalih, forsi għax jinkwieta li jekk jitkellem jista’ jagħmel l-affarijiet agħar. It-taħriġ tal-edukaturi għandu jinkludi dan l-għarfien, sabiex imbagħad ikunu jistgħu jagħmlu differenza fejn ikun hemm bżonn. Warakollox, biex nissellef mingħand Paulo Freire,  il-moħħ mhux xi kontenitur vojt li kull ma jrid jiġi mimli mill-iskola biex imbagħad ikollna l-bniedem ‘komplut’ u lest biex jiffunzjona kif mixtieq bħala ċittadin attiv u responsabbli. Il-bniedem huwa ferm iktar kumpless, u biex isir it-tagħlim mixtieq, irid ikun hemm is-serħan il-moħħ, is-sigurta’, żaqq mimlija u qalb li taf x’inhi l-imħabba u r-rispett lejn l-individwalita’ tal-persuna (Macedo et al., 2020) . Jekk ninjoraw dan il-fattur essenzjali, se jibqa’ jkollna ħafna tfal u żgħażagħ li jtuha daharhom l-edukazzjoni, jirreżistu dak li l-iskola tipprova tgħallem b’tant insistenza u investiment.  Se jibqa’ jkollna dawk li joħorġu kmieni mill-iskola u dawk li jibqgħu inattivi, la f’xi kors ta’ tagħlim u lanqas jaħdmu. Se jkollna dejjem il-problema ta’ żgħażagħ – iktar tard isiru adulti – li jitbandlu minn xogħol prekarju għall-ieħor,  li jgħaddu bil-benefiċċji soċjali jew anke jgħixu fil-faqar. L-iskola tista’ tagħmel id-differenza.  Din tibqa’ it-tama tagħna: li tassew kull żgħażugħ u żgħażugħa jsibu refuġju u serħan il-moħħ fl-iskola – il-post maħluq biex jirrispetta d-dinjita’  tat-tfal kollha u jagħmel ġustizzja ma’ kull persuna, hekk kif ġie miktub fid-dikjarazzjoni tad-drittijiet fundamentali tat-tfal.

Referenzi

Borg, C. & Mayo, P.  (2016):

https://www.maltatoday.com.mt/news/national/72127/experts_warn_education_reform_could_lead_to_ghettoisation#.YVljPJpBxPY

Cefai, C., Cavioni, V. (2015). Beyond PISA: Schools as Contexts for the Promotion of Children’s Mental Health and Well-Being. Contemp School Psychol 19, 233–242.

Council of Europe (2021: https://www.coe.int/en/web/compass/introducing-human-rights-education

Erickson, F. (1987). Transformation and school success: The politics and culture of school achieve- ment. Anthropology and Education Quarterly, 18 (4), 335–356.

Freire, P. (1972). Pedagogy of the Oppressed, Harmondsworth, Penguin.

Giroux, H.A. (2018). When Schools Become Dead Zones of the Imagination. In The Wiley Handbook of Global Educational Reform (eds K.J. Saltman and A.J. Means).

Hora, M.T. (2020).  Hiring as cultural gatekeeping into occupational communities: implications for higher education and student employability. High Educ 79, 307–324

Ledwith, M. (2020). Community Development: A Critical Approach, Policy Press.

Lundahl, L. and Brunila, K.(2020). Epilogue: Silences and Challenges. In K. Brunila and L. Lundahl (eds), Youth on the Move: Tendencies and Tensions in Youth Policies and Practices (pp. 185–190). Helsinki: Helsinki University Press.

Macedo E, Nairz-Wirth E, Araújo HC, Szalai J. (2020). Drawing lessons from early school leavers in a social justice context: Introductory comments. European Educational Research Journal. 19(5):387-397.

OHCHR (Office of the United Nations High Commissioner for Human Rights) (1989) Convention on the rights of the child. Available at http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/CRC.aspx 

More in Socjali