Fl-aħħar sigħat Malta xxukjat ruħha wara tixrid ta’ filmat li juri għadd ta’ persuni li bdew iħeġġu lil raġel, li kien qiegħed jikkontempla li jtemm ħajtu, f’xifer is-sur tal-Belt Valletta. Dan qajjem furur fuq il-midja soċjali.
Intant, rapporti mill-midja jgħidu li bħalissa għaddejin l-investigazzjonijiet biex jinstabu dawk il-persuni li bdew jinkoraġixxu lil dak ir-raġel biex itemm ħajtu.
Il-Psikoterapista Mark Xuereb, li kien parti minn tim ta’ salvataġġ ta’ kważi 40 persuna, tkellem ma’ din il-gazzetta fuq ix-xena li ra’ quddiem għajnejh u l-kummenti dispreġjattivi li sema’ minn nies tal-madwar.
Huwa saħaq li dak il-ħin kien hemm aktar minn kriżi waħda. Jgħid li kien hemm persuna li, “għandha sfond ta’ tbatija kbira li kienet ukoll abbużata. Kif ukoll kien hemm l-interferenza ta’ dawk in-nies.”
Xuereb stqarr ma’ din il-gazzetta li r-raġel kienet aġitat iżda wara 40 minuta irnexxielhom jikkonvinċuh biex jinżel.
“Nirringrazzjaw lil Alla li rnexxielna nġibuh f'sensih għax l-affarjiet setgħu marru agħar kawża ta’ nies bla qalb,” spejga Xuereb.
Mistoqsi jekk il-filmati li nxterrdu fuq il-midja għandhomx jitneħħew huwa saħaq li huwa importanti li ma jkomplux jinxterdu. Wissa’ li f’dawn il-ġimgħat li ġejjin għandna noqgħodu attenti għal possibilità ta’ suwiċidju ‘copy cat’.
L-ILLUM staqsiet, jekk din hix l-ewwel darba li kien hemm każijiet simili fil-Belt Valletta u jekk hemmx bżonn ta’ aktar infurzar f’postijiet li huma ta’ riskju.
Għal dan wieġeb li Malta ġew identifikati tmien postijiet ta’ riskju inkluż il-Belt Valletta. Jisħaq li bħalissa hemm strateġija nazzjonali mfassla li għandha tidħol fis-seħħ illum qabel għada.
“Kapitlu minn din l-istrateġija jgħid li għandu jkun hemm linja tat-telefon fissa fuq dawn il-postijiet b’messaġġi pożittivi, li meta jċemplu jaqbu direttament maċ-ċentru tal-Crisis Team. B’hekk inkunu nafu wkoll fejn tinsab il-persuna u nkunu nistgħu mmorru nagħtuha l-għajnuna. Tajjeb li nsemmu wkoll li dawn il-kabini tat-telefon ikollhom kamera infra red biex b’hekk tkun tista’ tintuża filgħaxija wkoll,” temm jgħid Xuereb.
Intant fi stqarrija, Richmond Foundation qalet li qed tappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjoni kurrenti mill-pulizija. Tgħid li l-aġir ta' grupp ta' nies li bdew iħeġġu lir-raġel jaqbeż, kien ta’ natura serja ħafna "u importanti li jkun ċar li imġieba hekk tista’ twassal għal responsabiltà kriminali."
Fid-dawl ta' dan l-inċident Richmond qalet li ser issostni l-isforzi tagħha biex turi li l-kriżijiet ta’ saħħa mentali jistgħu jkunu parti normali mill-ħajja u biex teduka dwar kif persuni għandhom iġibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.
Għaldaqstant Richmond Foundation qiegħda titlob li jekk hawn xi persuni li għandhom informazzjoni dwar l-inċident jistgħu jikkuntattjawha, b’mod kunfidenzjali, fuq 21224580 jew [email protected].
Għal dawk li bħalissa għaddejin minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali, jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Richmond fuq il-helpline 1770 jew permezz ta’ Olli.chat. Jistgħu jikkuntattjaw ukoll lil Crisis Team Malta fuq 99339966 jew jużaw l-applikazzjoni ‘kriżi’.