Proġett pilota fil-klassijiet għall-prevenzjoni mill-vjolenza domestika

Proġett fil-klassijiet tal-10 sena għall-prevenzjoni mill-vjolenza domestika u vjolenza għab-bażi tal-ġeneru

Illum tħabbar proġett pilota li se jkun qed jindirizza l-vjolenza domestika kif ukoll li jipprevjeni l-abbuż, fosthom permezz ta' kampanja msejħa 'Safe Dates' li se tkun qed isseħħ fil-klassijiet tal-PSCD tal-10 sena. Din il-kampanja li tħabbret illum mill-Ministri Owen Bonnici u Justyne Caruana, se tinkludi film msejjaħ 'Safe Dates" ukoll li se juri xenarji differenti ta' abbuż u kif dan jiġi indirizzat, b'diskussjoni fil-klassi wara l-film. 

Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika u Vjolenza għab-bażi tal-Ġeneru Audrey Friggieri qalet illi l-Kummissjoni se tkun qed tevalwa d-data minn dan il-proġett pilota sabiex tiddeċiedi kienx effettiv jew le. Hija qalet illi l-film se jkun qed jitratta l-bullying u anke l-fastidju u sostniet li apparti li jkun hemm għajnuna lill-vittmi hemm bżonn ukoll ta' investiment fil-prevenzjoni. 

Globalment, biljun tifel u tifla huma affetwati mill-vjolenza, għalhekk huwa importanti li dawn ikollhom l-ħiliet u l-edukazzjoni sabiex jikkumbattu kontra dawn is-sitwazzjonijiet. 

Il-Ministru Caruana qalet illi l-edukazzjoni hija vitali sabiex tkun eliminata l-vjolenza u sostniet illi meta t-tfal jistaqsu l-mistoqsijiet hemm bżonn li jingħataw r-risposti u anke l-għodda.  Il-Ministru Bonnici esprima sodisfazzjon li sa fl-aħħar din il-kampanja se tkun qed issir realtà. 

"Huwa importanti li l-Gvern juri biċ-ċar li l-vjolenza domestika mhijiex aċċettabbli u għalhekk il-messaġġ u l-appell lill-vittmi huwa li l-vuċi tiegħek huwa aktar b'saħħtu u jista' jilliberak. Il-vjolenza domestika mhijiex kundanna għal ħajtek u tista' tuża l-vuċi tiegħek u tikseb l-għajnuna," temm jgħid Bonnici. 

Nhar il-25 ta' Novembru bdiet kampanja internazzjonali ta' 16-il jum kontra l-vjolenza għab-bażi tal-ġeneru u anke l-vjolenza domestika. 

 

 

 

More in Socjali