Il-Professur Victor Calvagna, President u fundatur ta' Puttinu Cares, ħalla din id-dinja wara li ttajjar minn karozza fil-Qawra l-ġimgħa l-oħra. Dan ħabbruh Puttinu Cares fuq Facebook filwaqt li ddeskrivewh bħala bniedem umli li ta ħajtu kollha lit-tfal morda u l-ġenituri, li tant kien iħobb.
"Għallimna kif inkunu ta' servizz għall-oħrajn mingħajr ma nistennew xejn lura. Grazzi tal-eżempji sbieħ u l-valuri li rawwimt fina," kitbu Puttinu Cares.
Intant Martina Fenech, li kienet pazjenta tiegħu għaxar snin ilu, saħqet li tinsab ixxukkjata. B'dispjaċir qalet li, "għaxar snin ilu eżatt tlift il-persuna li tagħtni din il-ħajja u llum għaxar snin wara tlift il-persuna li tagħtni ħajti lura." Hija rrimarkat li minkejja li l-ewwel memorja kienet waħda qarsa għaliex kien ta l-aħbar li kellha l-kanċer, dejjem inkludiha fil-proċess tal-fejqan.
"Daqs kemm ma kinitx faċli għalija u għal familti li naffaċċja l-kanċer wara xahrejn mill-mewt tal-mama', daqshekk ieħor ma kinitx faċli għalik li ridt tagħti l-kuraġġ u tama' lilna u tagħmel dak kollu li tista' biex ma ngħaddux minn burraxxka oħra,' kompliet tgħid Fenech.
Fl-aħħar temmet tgħid li Calvagna ħalla din id-dinja wisq kmieni, iżda permezz tal-memorji tiegħu, ħafna familji ser jibqgħu iżommuh ħaj f'qalbhom.
Intant, diversi kollegi ngħaqdu ma' għexieren ta' nies oħra li sellmu l-memorja tiegħu. Fost il-kummenti, persuna stqarret li hija kburija li ħadmet miegħu fl-aħħar snin. "Ħdud u festi kull meta bagħtlek dejjem weġibtni lura u għintni kemm stajt. Tlifna ġawhra," qalet il-kollega.
Aktar dettalji fuq iċ-ċelebrazzjoni ta' ħajtu se jkunu qed jingħataw iktar tard.