Il-missjoni ta’ Kevin Attard: li jgħaddi l-artistrija tal-filugranu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa
Għalliem u artist artiġjanali … L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Kevin Attard fl-isfida tiegħu biex iżomm il-filugranu ħaj saħansitra f’forom differenti
minn Anthea Cachia
Ħafna minna meta nisimgħu l-kelma ‘arti’ moħħna jmur lejn xi pittura famuża esebita fil-Louvre bħalma hi l-Monalisa. Iżda fil-verità l-arti hija waħda fluwida tant li tvarja bejn xi żifna, xi poeżija, mużika jew saħansitra l-ġojjellerija artiġjanali.
Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Kevin Attard għalliem u artist artiġjanali. Huwa spjegalna pass, pass il-proċess kollu li jwassal biex jinħadem il-filugranu bl-idejn, l-importanza tat-tagħlim, il-filugranu diġitali u fejn se jkun il-filugranu 100 sena oħra.
“Il-filugranu bdejt naħdmu 35 sena ilu, meta kelli 13-il sena. Missieri kellu workshop u kont ixxurtjat biżżejjed li kellu ħabib tiegħu jaħdem il-filugranu u għallimni hu,” irrakkonta Attard.
Huwa saħaq li llum il-ġurnata din is-sengħa hija aċċessibli ħafna għaliex biex wieħed jibda’ jagħmel il-filugranu ma jridx jinvesti f’għodda li jiswew l-eluf tal-flus.
“Nista’ ngħidlek li b’€500 għandek l-għodda kollha li għandek bżonn,” spejga Attard filwaqt li wera’ lil din il-gazzetta l-għodda bażiċi tiegħu fosthom il-pinzetta u t-tnalja.
Madankollu huwa spjega li fi żmien missirjietna ma kinitx daqstant faċli li wieħed jitgħallem din l-arti. Tant hu hekk li Attard saħaq li, “dak iż-żmien, l-idea ġenerali kienet li dak li taf ma tgħaddih lil ħadd għax jekk jien qed naqla lira mhux se ngħid lilek ħalli l-lira nibqa’ naqlaha jien.”
Minkejja r-reqqa u d-dettall impekkabbli li jsir f’kull oġġett tal-filugranu, wieħed ma jistax ma jinnutax is-sempliċità ta’ dawn l-istess oġġetti. Attard qasam il-proċess f’erbgħa. L-ewwel fażi tkun l-iskeletru u t-tieni pass ikun li timla’ l-iskeletru b’ wires irqaq. L-aħħar żewġ fażijiet huma li tuża n-nar biex tgħaqqad kollox u fl-aħħar il-filugranu jitnaddaf.
Apparti x-xogħol ikkummissjonat, Attard qal mal-gazzetta li huwa għalliem ukoll. Attard jgħid li f’dawn l-aħħar 20 sena jgħallem kompla jtejjeb it-teknika tiegħu u llum il-ġurnata, barra li jgħallem biex jaqla l-flus sar jieħu gost. Jgħid li, “hemm bżonn li din is-sengħa tingħata lill-ġenerazzjoni tal-futur, jekk trid tibqa’ ħajja.”
Attard żied jgħid li huwa jixtieq li jerġa’ jqajjem din is-sengħa mill-ġdid, li bil-mod qed tintelaq “u dan mhux fenomenu Malti biss, din mad-dinja kollha.”
Minkejja l-isfidi f’din l-industrija, huwa jisħaq li fortunatament f’Malta, il-Gvern investa ħafna. Kien hawn li huwa semma’ lill-Malta Crafts Foundation li qiegħda toffri proġetti u opportunitajiet, kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna.
Iżda din l-arti, kif se tibqa’ ħajja? Għad hawn interess għax-xogħol bl-idejn?
Attard, bi tbissima qal li bħalissa hawn domanda kbira għal min irid jitgħallem.
“Hawn ħafna nies ta’ kull età però b’mod speċjali ż-żgħażagħ. Nemmen li dan huwa l-effett tal-pandemija. Il-pandemija ġiegħlet lin-nies jiskopru l-pjaċir li jaħdmu b’idejhom. Peress li qattajna ħafna ħin ġewwa, ridna naraw ma xhiex ser naqbdu. Jien qed ikolli bumbardament ta’ nies li jridu jitgħallmu, fil-fatt qed ikolli nirrifjuta,” qal Attard.
Huwa żied jgħid li t-tagħlim jirrikjedi ħafna ħin u enerġija iżda wieħed mill-pjanijiet tiegħu huwa li jiftaħ skola, speċifikament għall-filugranu.
“L-iskola għandha tkun miftuħa għall-iskejjel kollha. Jekk trid tgħaddi s-sengħa, l-ewwel li trid tinvesti huwa fiż-żgħir. Fil-fatt, meta jiġu l-anzjani biex jitgħallmu, jekk inkun nista’ naċċetthom, però l-preċedenza nagħtiha liż-żgħar,” saħaq l-artist.
Kien hawn li reġa’ tenna li l-filugranu mhux diffiċli biex titgħallmu, tant hu hekk li l-kors fasslu fuq medda ta’ seba’ sigħat u nofs biss.
Il-filugranu mhux diffiċli bien titgħallmu, dik hi l-idea li njettawlna missirijietna biex is-sengħa ma jgħadduha lil ħadd Kevin Attard
‘Il-pandemija ġiegħlitni nbiddel l-istrateġija tiegħi’
Mistoqsi x’inhuma l-akbar diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom f’dan ix-xogħol, huwa wieġeb, id-dixxiplina. Saħaq li l-ġenerazzjoni ta’ issa għandhom vantaġġ akbar minn tiegħu, għaliex huwa għamel 20 sena jaħdem għall-ħwienet.
“Il-pandemija ġiegħlitni nbiddel l-istrateġija tiegħi. Minn dakinhar waqaft inforni lil ħwienet u bdejt inbigħ online. Irrid ngħid li mort aħjar. Jekk jien kont nagħmel ċurkett, lil tal-ħwienet kont inbiegħu €5 u tal-ħanut ibiegħu €20. Issa qed nagħmel inqas sigħat fuq il-bank u ndaħħal l-istess profitt. B’hekk qed ikolli aktar ħin ngħallem, xi ħaġa li nħobb nagħmel … apparti proġetti oħra.”
‘L-aktar ħaġa li tagħtini pjaċir huwa meta jitolbuni xi ħaġa u nkun kapaċi nikkuntentahom’
Huwa stqarr magħna li minkejja li t-tgħallim jkompli jgħin lilu bħala persuna, m’hemm xejn li jagħtih sodisfazzjon daqs meta jiġi mitlub li jagħmel proġett u jlestih.
Wieħed mill-proġetti kurrenti li qiegħed jagħmel huwa kranju magħmul mill-filugranu. “Għalija dan se jkun riżultat ta’ 35 sena ta’ riċerka u tentattiva biex nipprova ninkorpora l-abiltajiet kollha tiegħi f’daqqa. U x’ħin inlestih se nipprova nagħmel xi ħaġa aktar diffiċli,” qal Attard.
Minn naħa l-oħra mil-lat ta’ tagħlim huwa aċċenna għall-fatt li meta jgħallem lill-istudenti tiegħu u jara li qed isiru tajbin f’xogħolhom, għalih din hija xi ħaġa naturali “li x-xiħ jgħallem liż-żgħir biex malli jmut, iż-żgħir ikompli f’xogħlu …. Dik hija ċ-ċirku tal-ħajja.”
Uħud mill-istudenti ta’ Attard spiċċaw jaħdmu fuq l-istess bank tiegħu bħala kollegi. Tant hu hekk li l-ILLUM iltaqgħet ma’ Silvia Gálvová, li ġiet f’Malta f’Ottubru tal-2021.
Gálvová tirrakkonta kif hija tgħallmet dwar il-filugranu meta kienet il-Portugall. Minkejja dan hija ġiet f’pajjiżna permezz ta’ internship. Tgħid li kollox inbidel meta ltaqgħet ma’ Attard fis-suq tal-Milied, fejn hemm tirrakkonta li ddeċidew li jikkollaboraw flimkien.
L-arti diġitali … il-futur tal-arti moderna?
L-artist spjega li huwa jiffoka aktar fuq il-futur milli proġetti tal-passat u l-miri kollha li rnexxielu jilħaq. Parti mill-futur, għalih, jinkludi l-NFTs.
In-Non-Fungible Tokens (NFTs), huwa sors ġdid ta’ kif wieħed jista’ jixtri oġġetti uniċi. Bid-differenza li dawn l-oġġetti jkunu f’forma viżwali mhux fiżiċi, simili ta’ kif taħdem il-Bitcoin. Jiġifieri l-persuna jkollha l-oġġett virtwalment u mhux l-oġġett fiżiku f’idejha.
Mistoqsi kif ġiet l-idea li jsir intraprenditur diġitali huwa wieġeb, “ftit ilu ġie Kanadiż fuqi u pproponieli li nagħmlu din il-biċċa tax-xogħol u qalli biex nipproduċi jigsaw puzzles tal-filugranu fiżiċi. Huwa ħa r-ritratt tagħhom u issa dawn qiegħdin għal bejgħ b’mod virtwali. Malli jinbiegħu, jiena nieħu persentaġġ.”
Huwa kompla jispjega li f’Lulju 2022, huwa mistenni li jattendi konvenzjoni tal-jigsaw puzzles f’Las Vegas fejn ibigħ il-biċċiet fiżiċi tal-fidda. “Jien ta’ 50 sena qatt ma kont nimmaġina li se nkun involut fl-NFTs … Hija xi ħaġa eċitanti għalija,” tenna Attard.
Il-filugranu, 100 sena oħra, x’ser isir minnu?
L-artist tal-opinjoni li sa’ 100 sena oħra dan l-artiġjanat se jkollu metamorfosi totali, bħalma kellhom il-pitturi u l-fotografija.
“Għall-bidu l-fotografija ma kinitx tiġi kkunsidrata arti għax kienet tintuża teknoloġija differenti però biż-żmien il-fotografija saret importanti daqs l-arti, jekk mhux aktar f’ċertu kuntesti. L-istess se jsir fil-filugranu,” kompla jispjega.
Huwa qal li l-filugranu se jibqa’ jinħadem bid-differenza li se jintużaw għodda aktar teknoloġiċi u moderni.
“Li hemm interessanti hu li l-ġojjellier ta’ llum jintefalek fuq bank, quddiem screen u l-għodda jaħdmu għalik. Jien għalija m’hemmx differenza. Xorta magħmulin b’idejn. Ħafna nies xorta jmorru għar-romantiċiżmu, ta’ xi ħaġa li nħadmet bl-idejn meta fil-fatt ma tkunx inħadmet bl-idejn, tkun inħadmet b’pinzetta u b’xi tnalja. Bejn pinzetta u tnalja u bejn l-aktar għodda sofistikata jien ma narax differenza,” insista Attard.
Fl-aħħar tenna li se jkun hemm mument fejn il-ġojjellier l-antik u dak modern se jingħaqdu fejn il-filugranu jinħadem b’għodda klassiċi kif ukoll ġodda. Jgħid iżda li huwa ta’ interess li din tista’ ssir biss għal ftit ċentinarji.
“Imbgħad, il-ġojjellier l-antik se jisparixxi kompletament u jiddomina l-ġdid,” temm jgħid Kevin Attard.