Il-laħam, il-ħobż u l-ħalib fost l-aktar li għolew … Il-konsumaturi jitkellmu mal-ILLUM
Taħseb li l-ħajja għoliet? Il-paga jew il-pensjoni qed isservik? Xirja b’affarjiet bażiċi qed tisloħlok il-but jew money no problem? L-ILLUM tmur ħdejn supermarket ewlieni fil-Mosta u tistaqsi lin-nies jekk iż-żieda fil-prezzijiet hux qed taffetwahom
minn Anthea Cachia
Ħafna jagħmlu x-xirja tal-merċa kmieni filgħodu biex jaħarbu minn kjuwijiet kbar ta’ nies. Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM ħadet l-opportunità u marret tiltaqa’ mal-konsumaturi quddiem stabbiliment fil-Mosta u staqsiet dwar jekk hux qed ilaħħqu mal-ħajja u jekk jaħsbux li fil-fatt għoliet il-ħajja.
B’kollox madwar 20 persuna li aċċettaw li jwieġbu l-mistoqsijiet tagħna qablu unanimanent li l-ħajja għoliet, tant li kien hemm anzjani li qalu li lanqas ifaddlu ma jkunu jistgħu. L-ILLUM, minkejja li tkellmet ma nies ta’ etajiet differenti, sabet li kollha kienu tal-fehma li fejn jidħlu l-affarjiet bażiċi bħal laħam, ħobż u prodotti tal-ħalib il-prezzijiet huma l-aktar li għolew.
Minn naħa l-oħra, mara waħda biss, minn Ħaż-Żebbuġ, saħqet li lilha ż-żieda fil-prezzijiet ma taffetwahiex. Meta din il-gazzetta staqsiet fuq liema skala qed tlaħħaq mal-ħajja (1 ifisser xejn u 10 ifisser ħafna) hija qalet li tlaħħaq sew, jiġifieri 10.
Meta mistoqsijin il-maġġoranza ta’ dawk li rrispondew taw bejn wieħed u ieħor marka ta’ 5 u 6 li tindika li l-konsumatur qiegħed iħoss l-għafsa tal-għoli tal-ħajja imma xorta qed ilaħħaq. Minkejja dan, għal persuna mill-Imsida, għal pensjonanta minn Ħ’Attard u għal raġel minn Ħaż-Żabbar il-ħajja tant għoliet li qalu li mhumiex ilaħħqu, u allura taw il-marka ta’ 1.
‘Allura x’nagħmel noqgħod mingħajr l-oġġett għax ogħla?’
Raġel anzjan minn Ħ’Attard stqarr li sempliċement ħalib tal-bott, li qabel kien jixtrih 60 ċenteżmu, illum il-ġurnata jiswa 75 ċenteżmu. Huwa stqarr li minkejja li mhux ser joqgħod lura milli jixtri dak li jħobb xorta jħoss id-differenza. Huwa spjega lil din il-gazzetta li konsegwenza ta' hekk, fl-aħħar tax-xahar ikollu jieħu mill-flus li jwarrbu hu u martu li kienu qed iġemmgħu. Intant mara minn Naxxar qablet ma' dan ir-raġel u rrimarkat li anke l-mediċina saret aktar għolja. Meta l-ILLUM staqsietha x’taħseb li għandu jsir fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet, b’daħka fuq wiċċha qalet, “aħjar li kieku l-Gvern jagħtini €160,000 u mhux €1.75 żieda”.
Slimiża stqarret mal-ILLUM li llum il-ġurnata, jekk ma toqgħodx attent “żgur ma tlaħħaqx mal-ħajja”. Hija kompliet tgħid li din iż-żieda fil-prezzijiet, mhux tort tal-Gvern, iżda xorta saħqet li dan għandu jara li l-importazzjoni tal-prodotti minn barra għandu jsir b’mod għaqli u jekk il-containers li jintużaw huma wisq għoljin, għandhom jikkunsidraw alternattivi oħra. Apparti minn hekk hija qalet li l-€1.75 żieda, mhux biżżejjed.
B’rabja kbira, raġel anzjan qal li huwa kompletament mhux ilaħħaq mal-ħajja u li l-pensjoni mhux isservih. “Iż-żieda ta’ €20 mhi xejn. Jekk se jagħtini żieda ta’ 60ċ fil-ġimgħa lanqas għal kaxxa tea bags mhu se sservini,” qal iddispjaċut. Huwa spjega li ma kienx hemm prodott speċifiku li kien ogħla, għaliex skontu kollox ogħla radikalment.
‘Aħjar jgħollu l-pagi, mhux l-affarjiet dejjem jogħlew u l-pagi le!’
Żaġħżugħa minn Ħaż-Żebbuġ saħqet fuq l-importanza li l-pagi jogħlew. Hija nnutat li l-aktar affarjiet li rat żieda fil-prezzijiet tagħhom huma l-affarjiet bażiċi kollha ta’ kuljum, iżda b’mod speċjali l-ikel. Raġel minn Birkirkara qabel maż-żagħżugħa li l-affarjiet bażiċi ta’ kuljum, bħal ħobż u ħalib għolew.
Meta mistoqsija jekk ilaħħqux mal-ħajja huma wieġbu "iva u le" u kien proprju għalhekk li t-tnejn qablu li żieda fil-pagi tista' verament tagħmel differenza.
‘Issa l-Covid-19 saret tintuża bħala skuża tajba’
Il-gazzetta ltaqgħet ukoll ma’ żewġ individwi minn naħa ta’ isfel ta’ Malta. Il-mara u r-raġel it-tnejn irrimarkaw li xi ftit jew wisq raw li għoliet il-ħajja, iżda b’mod ġenerali qed ilaħħqu magħha. Ir-raġel, minn Ħaż-Żabbar, semma’ li huwa essenzjali li jsir kontroll fuq il-ħwienet, biex ma jkunx hemm distakki daqstant qawwija ta’ prezzijiet bejn ħanut u ieħor. Żied jgħid li xi kultant in-negozjanti, mis-subgħa jieħdu l-id u japprofittaw ruħhom bi prezzijiet esegerati.
Il-mara, li hija minn Ħal-Luqa, rrikonoxxiet li l-prezzijiet qed jogħlew lokalment, minħabba li qed jogħlew minn barra u minħabba l-problemi ta’ trasportazzjoni u ġarr tal-merkanzija. Sadanittant iżda r-raġel saħaq li “issa l-Covid-19 saret tintuża bħala skuża tajba.”
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) , il-mekkaniżmu li jkejjel l-għoli tal-ħajja juri illi fl-ikel kien hemm żidiet konsiderevoli b'rata annwali ta' 4.94 matul Diċembru 2021.
Fil-Baġit tal-2022 il-Gvern ħabbar li ser tibda diskussjoni dwar mekkaniżmu ġdid bil-għan li jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Dan se jkun qed jaħdem b’mod separat mill-COLA (cost of living adjustment) biex jikkunsidra l-affarjiet l-aktar essenzjali għall-borża tal-prodotti bażiċi. Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana kien qal li l-prinċipju ta’ dan il-mekkaniżmu hu li jidħol fis-seħħ meta jkun hemm żieda fl-inflazzjoni li taffetwa lil ħafna nies.
Intant Robert Abela fl-aħħar xhur tal-2021 sostna li, fuq livell internazzjonali, il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu b’mod sostanzjali iżda Malta żammet l-orħos kontijiet fl-UE, hekk kif il-Gvern qed jagħmel tajjeb għal din iż-żieda.
Tajjeb li nfakkru li l-ILLUM, proprju bħal dan iż-żmien sena tkellmet ma’ fornitur ewlieni tal-ġwież tal-annimali li kkonferma mal-gazzetta żieda konsiderevoli fil-prezz tal-prodotti tagħhom. Skont il-prezzijiet ta’ dan il-fornitur, xkora ta’ 25 kilogramma qamħirrun żdiedet b’65 ċenteżmu. Prodotti oħra wkoll kellhom tibdil fil-prezz iżda dan kien ivarja, skont kemm jinkludu ċereali bħal qamħirrun jew qamħ fit-taħlita.
B’hekk, din iż-żieda wasslet biex il-bdiewa u r-raħħala jixtru l-materja prima bi prezz għoli, anke jekk il-prezz tal-prodotti li jbiegħu huma stess jinżamm l-istess.
Il-fornituri, sena ilu, qalu lill-ILLUM li “ż-żieda fuq il-konsumatur tkun l-aħħar triq - wara li nassorbu ż-żieda aħna, wara li jgħin il-Gvern u biss jekk dawn il-prodotti jibqgħu jogħlew matul is-sena…F’dak il-każ jogħla l-prezz tal-ħalib, produzzjoni ta’ laħam u ġobon lokali, fost oħrajn”.