Illum waqt konferenza l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li nhar it-Tnejn il-Gvern se jkompli jneħħi r-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19. Abela saħaq li filwaqt li nżommu l-kawtela bħal ma għamilna qabel, "irridu nibqgħu mexijn lejn in-normalità."
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-festi li mhux se jilħqu jiġu ċċelebrati - bħal San Pawl - huwa saħaq li hu stess jixtieq li, "nistgħu ngħidu r-restrizzjonijiet f'pajjiżna jitneħħew kollha iżda nemmnu li għadu ma wasalx dan il-mument. Nemmen li dan is-sens ta' kawtela proporzjonata huwa l-istess prinċipju li mexxiena 'l quddiem."
Intant fl-aħħar ġimgħat id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar rilaxx ta' aktar miżuri fosthom li mis-7 ta' Frar, jiġiferi minn nhar it-Tnejn li ġej, mhux se jibqa' obbligatorju li biex persuna tidħol f'ristoranti, snack bars u każini jkollha turi ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Mill-14 ta' Frar imbagħad iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa' obbligatorju biex persuna tidħol f'barijiet, gyms, ċinemas u teatri.
Minkejja dan, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jibqa' jkun obbligatorju biex persuna issiefer, tmur casino, avvenimenti tal-massa u avvenimenti sportivi.
Is-sit illum.com.mt irrapporta li sa' issa l-ħin ta' għeluq tan-negozji tad-divertiment jibqa' sas-siegħa ta' filgħodu filwaqt li l-Gvern ma weġibx dwar attivitajiet b'udjenza bilwieqfa.