"Dawn l-emendi huma biss il-minimu ta' dak li għandu jsir biex jiġu protetti s-saħħa u l-ħajjiet tal-ommijiet f'Malta." Hekk qalu numru sostanzjali ta' għaqdiet favur l-għażla inkluż Women for Women Foundation, Aditus, Moviment Graffitti fost oħrajn. Dan qaluh fid-dawl li llum fil-Parlament se jkun hemm it-tieni qari tal-emendi tat-tqala, jiġifieri li t-tobba jingħataw l-għażla li jintervjenu u jwaqqfu t-tqala jekk ikun hemm kumplikazzjonijiet serji li qed jheddu l-ħajja tal-omm.
Dawn l-għaqdiet qalu li meta wieħed jopponi dawn l-emendi jew inaqqsu dak li huwa deskritt minnom bħala l-minimu, jitfa' f'riskju l-ħajjiet, is-saħħa u l-benesseri tan-nisa f'riskju kbir. Fakkru li kull każ ta' tqala jġorr miegħu ċertu risku, uħud aktar minn oħrajn.
"Ħafna nisa li qasmu l-istejjer tat-tqala tagħhom u qalu li f'ċertu każi, minħabba kumplikazzjonijiet, qed isofru minn ġrieħi temporanji jew wkoll permanenti, ġew infertili, qed jgħixu ħajja b'uġigħ kroniku, spiċċaw diżabbli u/jew qed isofru minn problemi psikoloġiċi serji. Ħafna drabi dawn il-każi jiġu moħbija hekk kif ma jagħmlux parti minn figuri uffiċjali." qalu l-għaqdiet.
B'hekk huma qed jappellaw lil kull min huwa involut u li huwa Membru Parlamentari li "għandhom għal qalbhom is-saħħa u l-benesseri ta' nisa u tfajliet Maltin biex jilqgħu l-bidla fil-liġi."
Fl-aħħar għamlu referenza għall-femiċidju ta' Bernice Cassar u fakkru li skont l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneru li kull mewt ikkawża min-nuqqas ta' kura riproduttiva hija ikkonsidrata bħala femiċidju wkoll. Għalhekk temmew jgħidu li dawn l-emendi għandhom jiġu introdotti mingħajr dewmien iżda b'diskussjoni aktar wiesgħa fuq is-saħħa riproduttiva.