‘Il-qalb tat-tarbija waqfet tħabbat’... Issa, x’se jiġri?

Minn ferħ kbir meta ssir taf li qed tistenna tarbija għal niket kbir meta ssir taf li tliftha. X’sostenn qed jingħata lil dawk l-ommijiet li kellhom korriment? L-ILLUM titkellem mal-attriċi u omm Maxine Attard u mal-Professur Jean Calleja Agius...  

Immaġinak tinsab f’din is-sitwazzjoni. Sirt taf li int tqila għall-ewwel darba, wara żmien toħlom li xi darba se jkollok familja. Jgħaddu ġimgħat u kollox sejjer tajjeb iżda darba fost l-oħrajn tmur għand il-ġinekologu u jgħidlek, “il-qalb tat-tarbija waqfet tħabbat.” Jitolbuk tistenna ftit sakemm ġismek jinduna u eventwalment, meta l-agħar ħolma tiegħek taraha sseħħ quddiem għajnejk, tmur l-Isptar. L-għajnuna hi eċċezzjonali u l-qwiebel u t-tobba huma taz-zokkor, tant li jibku miegħek għat-telfa li ġarrabt. Minkejja dan meta jasal biex toħroġ mill-bieb tal-Isptar ituk leaflet, issa x’se jiġri?  

Din mhux xi xena minn film, iżda esperjenza li diversi nisa għaddew minnha. Inkluż Maxine Attard, attriċi sinonima fit-teatru, play practitioner u membru tal-ġurija fl-Xfactor Malta. Minkejja li llum tinsab ftit ġimgħat ‘l bogħod mit-twelid tat-tarbija tagħha, Attard taqsam l-istorja tagħha mal-ILLUM dwar meta tilfet l-ewwel tarbija tagħha u l-għajnuna psikoloġika li kellha bżonn.  

‘Kien hemm silenzju kbir fil-kamra. Kont naf x’ġara’  

Attard irrakkontat mal-ILLUM li hi u r-raġel tagħha kienu għadhom kif iżżewwġu u kienu ippjanaw li jkollhom tarbija. Fil-fatt kienu ħerqana ħafna meta saru jafu li qed jistennew tarbija fl-aħħar tal-2021. Minkejja dan, għażlet li tħabbar pubblikament l-aħbar ta’ din it-tqala wara li jgħaddi l-ewwel trimester, jiġifieri wara l-ewwel tliet xhur (12-il ġimgħa). Attard tisħaq li din hija xi ħaġa normali li jagħmlu koppji li jiskopru li se jkollhom tarbija, bħala prekawzjoni f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala, speċjalment għal dawk li se jkollhom l-ewwel tarbija.  

“Kellna l-ewwel ultrasound fis-seba’ ġimgħa tat-tqala u kollox mar tajjeb. Kien hemm qalb tħabbat,” qalet Attard.  

Hija spjegat li ma’ kull ultrasound kienet tħoss ansjetà u biża’ kbira, biża’ li kien se jirriżulta f’xi ħaġa ħażina. Qalbha ħebbritha għal dak li kellu jiġri fit-tieni ultrasound, meta t-tabib infurmaha li l-qalb waqfet tħabbat u t-tarbija waqfet tikber.  

“Kien hemm is-silenzju fil-kamra u ndunajt mal-ewwel. Rajt lill-fetu fuq il-monitor, iżda indunajt li ma kinx kiber” qalet Attard.  

Hija spjegat li kull każ ta’ korriment huwa differenti u fil-każ tagħha hija kellha ‘missed miscarriage’, jiġifieri meta l-qalb tal-fetu tieqaf tħabbat iżda l-ġisem ma ndunax u assuma li għad hemm tqala normali. Meta semgħet dan, moħħha beda jiġri biha li kien se jkollha tagħmel D&C, proċedura kirurġika biex tbattal l-utru.  

“Ma kien xejn minn dan. Sempliċiment qaluli, mur id-dar u stenna li ġismek jirreaġixxi waħdu. Jekk le, ikolli mmur l-Isptar u għalija dik kissritni,” qalet Attard. Hija iddeskriviet dawn il-jiem ta’ stennija bħala “tortura” u li, minkejja l-biża’, xtaqet li skedat id-D&C u mhux toqgħod tistenna minn ħin għall-ieħor filwaqt taħseb dwar dak li kienet se tgħaddi minnu.  

“Kont id-dar naf li għandi fetu mejjet ġo fija. Il-baby tiegħi. Kelli ħafna ansjetà kull darba li mmur fil-kamra tal-banju u jien għamilt l-iżball li ma staqsejtx għal aktar informazzjoni għax ridt naħrab mill-kamra, dakinhar li sirt naf,” kompliet Attard. 

Sfortunatament għall-koppja Attard, dan kollu ġara waqt pandemija globali u għaldaqstant meta marret l-emerġenza, kellha tistenna waħedha. Hija irrimarkat li dak iż-żmien kien hemm influss ta’ nies u għaldaqstant, bilfors li kellha tistenna fit-tul. Hija qalet ukoll li marret l-Isptar mal-ewwel sinjali li kellha u għaldaqstant bdiet tkorri fi triqitha lejn l-Isptar u fil-kamra tal-istennija, waħedha.  

Faħħret qatigħ il-ħidma tal-infermiera u tal-qwiebel fil-ward. “Rajthom bħala anġli. Għenuni ħafna, anke għax ma kontx waħdi. L-għada stajt immur id-dar.”  

Waqt li kienet rikoverata fl-Isptar Mater Dei
Waqt li kienet rikoverata fl-Isptar Mater Dei

‘Tawni leaflet. Għaddejt minn dan kollu u daqshekk?’  

Din il-gazzetta tfakkarha f’dak li irraportat l-ILLUM il-ġimgħa l-oħra, jiġifieri li Fundatriċi tal-Fondazzjoni tal-Women for Women Francesca Fenech Conti  qalet li diversi ommijiet ħassew li ma ngħatawx biżżejjed sostenn meta korrew. Għal dan Attard qalet li l-infermiera u l-qwiebel dejjem għenuha, tant li anke huma jħossu għall-ġenituri li jitilfu lill-uliedhom.  

Madankollu qalet li malli kienet ħierġa mill-Isptar, ingħatat leaflet u dan għaliha ma kienx biżżejjed. L-istess bħalma qalu ommijiet oħra ma Fenech Conti.  

“Ingħatajt leaflet bl-informazzjoni dwar il-korriment. Għaddejt minn dan kollu u daqshekk? Ħassejt sens ta’ insensittività,” żiedet Attard.  

Kompliet tispjega li lanqas telefonata ma rċeviet biex tiġi mistoqsija kif inhi mentalment u fiżikament. Qalet ukoll li filwaqt li hija korriet fil-bidu tat-tqala, l-esperjenza tagħha hija valida wkoll. “Ħajtek tinqaleb mil-lejl għan-nhar meta ssir taf li tlift it-tarbija, irrispettivament kemm tkun avvanzata t-tqala.”  

Apparti minn hekk hija temmen li s-servizz ta’ bereavement midwife - qabla li tgħin lill-familji li tilfu lit-tarbija - għandu jiġi offrut lil kulħadd b’mod awtomatiku u jekk ikun hemm xi ħadd li jippreferi li ma jitkellimx magħha, jista’ jirrifjuta s-servizz.  

Irrakkontat li fir-rigward tas-saħħa mentali tagħha hija kienet tgħin lilha nnifisha ħafna billi taħdem fil-plays u kienet tagħmel ħafna affarjiet li jgħinuha tfiq minn din l-esperjenza, madankollu tirrimarka li mhux kulħadd jirreaġixxi l-istess. Fil-fatt hija tgħid li fil-każ tagħha, hija ħasset li kellha bżonn l-għajnuna biss meta saret taf bit-tieni tqala.  

“Meta sirt naf li kien se jkolli tarbija oħra, kien hemm li tlabt l-għajnuna għax ħassejt li kelli bżonn sostenn. Fil-fatt mort il-perinatal mental health clinic. Is-servizz huwa eċċellenti u bħala poplu veru xxurtjati li għandna dan is-servizz għax mhux kulħadd jaffordja li jħallas għal terapista,” qalet Attard.  

Għalhekk temmen li, minkejja l-fatt li mhux kulħadd ikun irrid li jfittex l-għajnuna mill-ewwel bħalma għamlet hi, għandu jkun aktar ċar li hemm dawn is-servizzi lesti li jgħinu ġenituri li qed ibatu.  

Tenniet li din l-għajnuna għenitha ħafna. Ma nessitiex minn dak li ġara, jew neħħiet il-ħsibijiet li kellha f’moħħa u l-biża’ iżda “xi kultant anke jekk biss titkellem u jkun hemm xi ħadd lest li jisimgħek huwa biżżejjed.”  

Attard waqt il-baby shower tagħha
Attard waqt il-baby shower tagħha

‘Sena ilu tlift l-ewwel tarbija u fi ftit ġimgħat se nilqa’ lil ibni’ 

Illum tinsab biss ġimgħat ‘il bogħod mit-twelid ta’ binha. Kumbinazzjoni, kważi sena wara li tilfet l-ewwel tarbija tagħha. Bi tbissima fuq wiċċha qalet li waqt it-tqala preżenti, bdiet isserraħ aktar rasha meta bdiet tħoss lit-tarbija tiċċaqqlaq u tara lil żaqqha tikber mal-iżvilupp tat-tarbija.  

Attard qalet mal-ILLUM li tinsab ħerqana li issa se jkollha tifel. Hija iddeskriviet l-aħħar ġimgħat tat-tqala, hekk kif qed tipprepara għal ħajja ġdida, bħala surreali.  

“Xorta tqanqal ċertu element ta’ biża’, speċjalment sakemm jitwieled u kollox imur tajjeb. Iżda qed nipprova nħares lejn il-pożittiv aktar milli nippanikkja jew ninkwieta iżżejjed. Jiena nafda fit-tobba, fil-qwiebel u fuq kollox f’ġismi. Ġismi dejjem kien jaf x’inhu jagħmel anke meta tlift l-ewwel tarbija,” qalet Maxine Attard. 

Il-Professur Jean Calleja Agius
Il-Professur Jean Calleja Agius

‘Il-bereavement midwife ma tingħatax b’mod awtomatiku meta xi ħadd ikorri’  

L-ILLUM tkellmet ukoll mal-Professur Jean Calleja Agius, Ostetriku u Ġinekologa, Għalliema fl-Università ta’ Malta u Riċekatriċi fuq Korrimenti Rikorrenti, fost oħrajn. Din il-gazzetta staqsiet fuq il-proċess mill-bidu sal-aħħar li tesprejenza omm waqt korriment.  

Calleja Agius irrimarkat li mhux kulħadd jagħżel li jmur l-isptar meta jkollu korriment. Dawk li jagħżlu li jirrikorru għall-għajnuna tal-professjonisti jista’ jkun jagħmlu dan minħabba kumplikazzjonijiet mediċi jew missed miscarriage bħal ma sofriet Maxine Attard, fost oħrajn.  

Din il-gazzetta tistaqsi fuq is-servizzi ta’ sostenn li huma offruti lil dawn l-ommijiet u saħqet li l-għajnuna psikoloġika li tingħata f’Malta hija waħda mill-aqwa. Fil-fatt hija tagħmel referenza għall-bereavement midwife. Hija tispjega li f’każ li persuna jkollha korriment għall-ewwel darba, is-servizz ta’ bereavement midwife ma jkunx awtomatiku. Dan ifisser li jekk persuna tidħol l-Isptar minħabba korriment, ma tingħatax l-għajnuna tal-bereavement midwife mal-ewwel, iżda trid tistaqsi għaliha hi.  

Calleja Agius tispjega li dan isir għaliex mhux kulħadd jaċċetta dawn is-servizzi hekk kif mhux kulħadd jirreaġixxi għal din l-aħbar bl-istess mod. Minkejja dan, kollox jinbidel f’każ tal-korrimenti rikorrenti, anke jekk ma jidħlux l-isptar. 

“F’dan il-każ is-servizz tal-bereavement midwife jingħata awtomatikament mat-tieni korriment. Ħafna aħjar minn barra minn xtutna, hekk kif fl-Ingliterra irid ikollok it-tielet wieħed biex jagħtu kas,” qalet Calleja Agius.  

L-ILLUM tirrimarka li fid-dawl tar-rata ta’ korrimenti f’Malta, jiġifieri li mara minn kull ħamsa tkorri, bereavement midwife waħda mhix biżżejjed. Għal dan, Calleja Agius irrimarkat li filwaqt li l-Isptar Mater Dei għandu bereavement midwife waħda, tingħata ħafna għajnuna mid-dipartiment ta’ psikoloġija fi ħdan l-Isptar stess.   

Din il-gazzetta tiġbdilha l-attenzjoni dwar il-famuż leaflet u tistaqsiha dwar hi, bħala professjonista, x’taħseb li jista’ jsir biex jittejjbu s-servizzi offurti.   

“L-għajnuna hemm qiegħda. Biss inħeġġeġ lil dawk kollha li għaddejjin minn dan il-mument diffiċli biex jirrikorru għall-għajnuna. Ħafna drabi joqgħodu lura għaliex jarawha bħala tabù, iżda l-għajnuna lesta biex tingħata,” temmet tgħid mal-ILLUM il-Profs. Jean Calleja Agius.  

More in Socjali