Ilbieraħ saret konferenza nazzjonali, organizzata mill-Kumitat ta' Esperti tal-Midja bl-iskop ta' konsultazzjoni pubblika dwar ir-riformi tal-midja. Din il-konferenza indirizzat diversi temi fosthom dik tal-Anti-SLAPP, tibdiliet fil-kostituzzjoni, is-sigurtà tal-ġurnalisti u l-kodiċi kriminali kif ukoll il-Media Defemation Act. Din ġiet indirizzata mill-Kumitat ta' Esperti tal-Midja li ġie appuntant mill-Gvern f'Jannar tal-2022 biex jissodisfa r-rakomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Akkademiċi, membri tal-midja u diversi stakeholders ipparteċipaw f'din il-konsultazzjoni u ressqu s-suġġerimenti tagħhom fosthom aktar trasparenza, tibdiliet ta' termini fil-liġijiet biex jipproteġu aktar lil ġurnalisti u definizzjonijiet aktar ċari ta' termini legali. Dan apparti li ntalab li jiġi diskuss aktar l-iffinanzjar tal-kmamar tal-aħbarjiet minħabba li din hija sfida oħra li qed jaffaċjaw ta' kuljum u l-possibilità li jitwaqqaf Kunsill tal-midja, fost oħrajn.
Preżenti għal din il-konsultazzjoni kien hemm Ricardo Gutierrez, is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea għall-Ġurnalisti (EFJ). Gutierrez saħaq li kien sorpriż li l-pubbliku b'mod ġenerali ma kienx qiegħed juri interess qawwi lejn il-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Din il-konferenza nazzjonali saret bil-għan li tikkonsulta b'mod pubbliku fuq ir-riformi ta' midja. Sa issa, dan il-Kumitat kien inkarigat li jara abbozzi proposti mill-Gvern biex isaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti u tal-midja. Apparti minn hekk dan analizza s-sitwazzjoni kurrenti tal-midja u biex b'hekk ikun jista' tipproponi riformi li jsaħħu l-irwol tal-ġurnalisti f'pajjiżna.
Ftit xhur ilu il-Kumitat ippropona diversi tibdiliet fl-abbozzi proposti tal-Gvern kif ukoll xi żiediet oħra li sussegwentament wassal biex il-Gvern tefa' fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti tliet abbozzi. Minkejja dan, membri tal-kumitat stess talbu biex dawn jiġu rtirati hekk kif "ġew injorati uħud mill-aktar rakomandazzjonijiet importanti li saru mill-Kumitat." B'reazzjoni għal dan, il-Gvern talab biex jiġi evalwat mill-ġdid l-abbozzi u kien hemm li tfassal il-pjan ta' konsultazzjoni pubblika.
Iċ-Chair ta' dan il-kumitat huwa l-Imħallef Emeritu Michael Mallia u l-membri tiegħu huma: l-eks Chair tal-Kummissjoni tal-Etika fil-Midja u avukat Dr. Kevin Dingli, l-esperta tal-midja Prof Carmen Sammut, il-kriminologu Saviour Formosa, id-Direttur tal-MediaToday Saviour Balzan, l-eks Editur tal-Malta Independent Neil Camilleri,l-assistent editur tat-Times of Malta u President tal-Istitut Malti tal-ġurnalisti (IGM) Matthew Xuereb u editur tal-MaltaToday u Segretarju Ġenerali tal-IGM, Kurt Sansone.