Vi jew Va? Ir-reliġjon
Il-Kostituzzjoni tgħid illi pajjiżna huwa stat kattoliku. Bla dubju li ż-żminijiet inbidlu u ħafna jistaqsu jekk għadx hemm il-bżonn li Malta tibqa’ titqies hekk. Oħrajn jopponu bidla. Għalhekk l-ILLUM tistaqsi lil Dun Brendan Gatt, lil Christian Colombo u lil Joanna Onions: Malta, għandha tibqa’ stat kattoliku?
minn Anthea Cachia
IVA – Iwieġeb Dun Brendan M. Gatt, Vigarju Ġudizzjali
Nixtieq nibda billi niċċara li għalkemm għandi rwol uffiċċjali fi ħdan il-Knisja f’Malta, dan li se ngħid huwa biss l-opinjoni tiegħi; mhuwiex indikazzjoni ta’ xi pożizzjoni uffiċċjali tal-isqfijiet jew tal-Knisja f’Malta dwar dan is-suġġett.
Meta nikkunsidra din il-mistoqsija nistqarr li nsib ruħi bejn ħalltejn. Fuq livell spiritwali u kulturali nixtieq li Malta tibqa’ kattolika, iva. Allaħares ma nemminx li t-twemmin kattoliku huwa wieħed pożittiv u benefiku għall-bniedem għax kieku qed ngħix farsa. U allaħares ma nemminx li l-Knisja Kattolika kienet u għadha forza għat-tajjeb fis-soċjetà (anke dik Maltija), għax kieku nista’ nżarma mill-vokazzjoni tiegħi.
Iżda mbagħad hemm livell ieħor, u naħseb li dan huwa l-intenzjoni iktar iffukata ta’ din il-mistoqsija: mhux jekk il-Maltin għandhomx ikunu Kattoliċi, imma pjuttost jekk Malta għandhiex tibqa’ kattolika fuq livell statali u istituzzjonali. Din kwistjoni ferm iktar kumplessa; Ir-realtà preżenti – anki kif tindika l-Kostituzzjoni ta’ Malta – tirrikonoxxi r-rwol li kellha l-Knisja Kattolika għal sekli twal fit-tiswir u t-tisħiħ tal-identità Maltija.
Tirrikonoxxi wkoll dak li ġie konfermat mill-aħħar ċensiment, jiġifieri li parti kbira mill-popolazzjoni Maltija għadha tqis lilha nfisha Kattolika, jew għallinqas tidentifika ruħha ma’ din l-affiljazzjoni reliġjuża. Ovvjament dan ma jfissirx li kull min iqis lilu nnifsu Kattoliku sejjer jipprattika r-reliġjon tiegħu b’mod regolari jew assidwu, jew iħaddan għalkollox it-twemmin kattoliku. Anzi, nafu li r-realtà hija ferm differenti minn hekk.
Bosta Maltin fuq il-livell reliġjuż donnhom l-emigranti li jgħixu f’pajjiż ieħor imma li kultant jerġgħu iżuru art twelidhom (jew art nieshom) għal xi okkażjoni speċjali. Għaldaqstant għandna ħafna li huma komdi jżuru l-knisja għall-festi l-kbar bħall-Għid il-Kbir u l-Milied jew il-festa tar-raħal; jattendu wkoll kultant għal xi tieġ jew funeral. U jkollhom ċerti prattiċi matul is-sena li ma jitilfuhomx bħad-Duluri jew is-Seba’ Visti. Faċli li wieħed jitfa’ lil dawn in-nies f’keffa waħda u jgħid li iktar milli fidi dawn iħaddnu kultura Kattolika, iżda ġudizzju bħal dan jaf ma jagħmilx ġustizza ma’ dak li hemm f’qalbhom u fil-kuxjenza tagħhom.
Il-kwistjoni ta’ jekk Malta għandhiex tibqa’ stat kattoliku trid tħabbat wiċċha wkoll mal-fatt li fil-qalb ta’ ħafna ċittadini Maltin, l-affiljazzjoni reliġjuża Kattolika tagħhom “tikkoabita” b’mod skomdu ħafna mal-valuri l-oħra jew l-istil ta’ ħajja li huma jħaddnu. Bosta Maltin għandhom boundaries ċari ħafna f’moħħhom dwar il-Knisja x’għandha tagħmel u ma tagħmilx; għalihom il-Knisja ċertament għandha tiċċelebra l-festi, tqaddes il-quddies, u tamministra s-sagramenti (preferibbilment skont il-gosti tagħhom). Iżda mbagħad allaħares issemma’ leħinha dwar kwistjonijiet soċjali bħalma huma realtajiet marbutin maż-żwieġ u l-familja; governanza sana u integrità fil-ħajja pubblika; id-drittijiet tal-ħaddiema u l-migranti; il-ħarsien tal-ħolqien, jew ukoll id-dinjità u d-dritt għall-ħajja mit-tnissil sal-mewt naturali tal-bniedem.
Malli l-Knisja ssemma’ leħinha dwar kwalunkwe wieħed minn dawn is-suġġetti – li dwarhom ilha tħaddan pożizzjonijiet morali u dottrinali għal mijiet kbar ta’ snin, ferm qabel inħoloq l-istat Malti – malajr ikun hemm min jiddarras u jsostni li l-Knisja ħatja ta’ indħil politiku. U kultant f’dan il-kuntest jitqanqlu wkoll l-ispettri tal-kunflitti bejn il-Knisja u l-Istat fis-seklu li għadda u li ma jipprovdux art tajba għal diskussjoni serena imma jservu biss bħala sarima u bastun.
Ir-rgħajja tal-Knisja spiss ifakkruna li fit-tagħlim tagħhom huma jfittxu li jdawwlu l-kuxjenzi għax il-Knisja tipproponi u mhux timponi. Imma kemm realment tista’ taqdi r-rwol kostituzzjonali tagħha li tgħallem “liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena” (Kostituzzjoni ta’ Malta, Artiklu 2.2) jekk kull darba li jsir dan it-tagħlim, jintlaqa’ b’ostilità ċara jew inkella b’indifferenza kkalkulata?
Jibqgħalna biss allura l-protokoll u l-folklor. Iktar ma jgħaddi ż-żmien jidher li l-kunċett ta’ “Malta bħala stat kattoliku” tfisser biss li jkollna reliġjon kulturali li tbierek il-kalendarju soċjali u politiku b’xi quddiesa fil-konkatidral, bl-istedina ta’ xi prelat fil-ftuħ ta’ xi eżibizzjoni, binja pubblika jew avveniment, bil-bews tas-salib fil-ġuramenti tal-ħatra u b’xi funeral statali meta jinqala’ l-bżonn. Imbagħad ovvjament hemm l-aspettativa li fil-festi li jiġu ċelebrati fil-parroċċi u l-knejjes, il-politiċi (ta’ kull kulur, ovvjament) għandhom jingħataw il-postijiet ta’ unur fuq quddiemnett, saħansitra jekk fil-ħidma politika tagħhom ikunu qed jimbuttaw aġendi u pożizzjonijiet totalment inkompatibbli mat-twemmin Kattoliku li jgħidu li jipprofessaw. Irriduċejna r-relazzjoni delikata u importanti bejn Knisja u Stat għal paraventu pulit li la jservi l-ġid ta’ waħda u wisq anqas tal-ieħor.
Jekk dan huwa dak li jfisser “stat kattoliku”, allura forsi jkun aħjar li nagħlqu l-purtiera tal-palk fuq din il-pantomima mdejqa!
Le – Iwieġbu: Iċ-Chairman tal-Humanists Malta Christian Colombo u l-Membru tal-Kumitat Joanna Onions
Minkejja li hija stipulata fil-Kostituzzjoni ta’ Malta li pajjiżna huwa stat kattoliku, il-popolazzjoni mhijiex kattolika b’mod uniformi.
Iċ-ċifri tal-aħħar ċensiment juru li 83% tal-popolazzjoni iqisu lilhom infushom bħala Kattoliċi. Dan huwa tnaqqis notevoli miċ-ċensiment preċedenti hekk kif dak iż-żmien kienet 94% tal-popolazzjoni illi qalet li hija kattolika. Ċarament, li wieħed jidentifika lilu nnifsu bħala kattoliku mhux neċessarjament ifisser li wieħed jiprattika t-twemmin tiegħu. Diversi sondaġġi indikaw li kważi nofs il-popolazzjoni Maltija, għalkemm iqisu lilhom infushom bħala kattoliċi ma jimxux mat-twemmin tar-reliġjon.
Min-naħa l-oħra, dan l-istess ċensiment wera li hemm grupp sostanzjali ta’ nies, jiġifieri 5% tal-popolazzjoni illi, bħalna, ma jidentifikaw mal-ebda reliġjon.
F’Jannar tal-2020, il-Prim Ministru Robert Abela qal illi pajjiżna huwa stat sekolari u l-Kostituzzjoni tagħti d-dritt u l-libertà li persuna tagħżel li tiprattika r-reliġjon li temmen fih. Minkejja dan, Artiklu 2.2 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jiddikkjara r-reliġjon ta’ Malta bħala dik Kattolika Rumana u tagħti lill-Knisja “d-dritt u d-dmir li tgħallem liema prinċipji huma tajbin jew ħżiena” inkluż bħala parti mill-edukazzjoni obbligatorja.
Għaldaqstant aħna nemmnu li dan l-Artiklu għandu jitneħħa. Apparti l-fatt illi għandna r-realtà li pajjiżna mhux kompletament kattoliku, ma narawx il-bżonn u l-ħtieġa li stat ikollu reliġjon tiegħu. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta hija dokument legali li jagħti gwida ta’ kif jiġi operat l-istat u mhux stqarrija dwar l-identità jew it-tradizzjoni Maltija. Għaliex persuni li jidentifikaw lilhom innifishom bħala kattoliċi għandhom bżonn jew iridu referenza fil-Kostituzzjoni, sakemm mhux biex jippromwovu l-kontroll jew influwenza tal-Knsija fuq dawk illi m’għandhomx fidi? Li Malta ma tibqax stat kattoliku ma jfissirx illi l-fidi kattolika f’Malta awtomatikament se tiġi sostiwita ma’ fidi oħra.
L-istat huwa ta’ kull ċittadin, irrispettivament mit-twemmin ta’ persuna. Għaliex għandha tiġi eskluża minorità – li dejjem qed tikber – f’wieħed mill-aktar prinċipji bażiċi tal-pajjiż? Li Malta tibqa’ stat Kattoliku Ruman timplika illi ideat mhux kattoliċi mhumiex kostituzzjonali.
Tajjeb li nsemmu wkoll li Malta diġà marret lil hinn minn ċertu twemmin Kattoliku meta introduċiet id-divorzju, iż-żwieġ bejn koppji LGBTIQ+, konċepiment u l-għażla li l-istudenti jingħataw lezzjonijiet dwar l-etika minflok dawk tar-reliġjon.
Jekk irridu li pajjiż demokratiku ikun ġust ma’ kulħadd, mela irid pajjiżna irid ikun stat sekulari, li jmur lil hinn minn kull tip ta’ reliġjon. Stat għandu jkun magħmul minn ċittadini ta’ kull fidi – jew saħansitra li m’għandhom l-ebda fidi – li jħossuhom liberi u ndaqs u jkollhom id-drittijiet umani mħarsa. Irridu stat indipendenti minn kull tip ta’ organizzazzjoni reliġjuża. Irridu stat li l-istituzzjonijiet fi ħdanu, inkluż il-ġudikatura u s-sitema edukattiva, tkun newtrali fuq kwisjontijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ twemmin, reliġjon jew in-nuqqas tagħhom. Irridu wkoll stat li jilleġiċla u jigverna mingħajr influwenza tal-Knisja.
Kostituzzjoni Sekulari ma jfissirx li l-poplu Malti se jsir ateu jew agnosiku, anzi se tiżgura li jkun hemm libertà li wieħed jagħżel mir-reliġjonijiet kollha.