F’Malta hawn 8,454 persuna li qed jistennew li ssirilhom intervent jew proċedura medika permezz ta’ operazzjoni.
Żvela din l-informazzjoni d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari mid-deputat Nazzjonalista, Claudette Buttigieg.
L-itwal lista ta’ stennija għal dawn l-operazzjonijiet hija ta’ operazzjonijiet ortopediċi hekk 3,582 persuna qed jistennew dan it-tip ta’ intervent. Wara, hemm proċeduri msejjħa bħala, “kirurġiji ġenerali”, b’2,949 persuna jistennew dawn il-proċeduri.
Proċeduri marbuta mal-għajnejn, u dawk marbuta mal-widnejn, l-imnieħer u l-gerżuma (ENT) għandhom 686 u 571 persuna jistennew għalihom rispettivament.
Fl-informazzjoni mpoġġija fuq il-mejda tal-kamra, ġie kjarifikat li dawn il-persuni ilhom jistennew għal aktar mill-ħin stipulat mill-“Patient Charter”. Din tgħid li t-trattament għal każijiet li mhux urġenti għandu jibda sa 18-il xahar wara li l-pazjent ikun eżaminat u tinħareġ dijanjosi, u jekk is-saħħa tal-pazjent tkun f’periklu, dawn għandhom jiġu indirizzati sa 12-il ġimgħa mill-eżaminazjoni.
Dan ifisser li t-8,454 persuna msemmija li qed jistennew dawn l-interventi mediċi ilhom jistennew aktar minn 12-il ġimgħa jekk il-kundizzjoni tagħhom hija urġenti u saħansitra ‘l fuq minn 18-il xahar jekk mhix urġenti.
Apparti minn hekk, f’April li għadda kien ħareġ ukoll li mal-1,573 pazjent kienu qed jistennew ukoll interventi mediċi oħra. Fosthom, kien hemm 934 persuna qed jistennew interventi maġġuri fl-irkoppa, u 492 jistennew għal operazzjoni tal-katarretti.
X’inhu jwassal għal dawn il-listi twal ta’ stennija?
Il-listi ta’ stennija għal diversi tipi ta’ operazzjonijiet żdiedet matul is-snin għal diversi raġunijiet. Fost oħrajn, fil-każ ta’ operazzjonijiet tal-kataretti, bosta persuni kellhom jistennew xhur twal, minħabba nuqqas ta’ tagħmir neċessarju biex isiru dawn it-tip ta’ interventi, hekk kif kien il-każ ta’ bosta persuni fl-2022.
Raġuni oħra wara dawn il-listi ta’ stennija kienet il-pandemija, fejn minħabba li din ġabet magħha żmien straordinarju bi sfidi liemabħalhom għas-settur tas-saħħa, ħafna operazzjonijiet u interventi kellhom jiġu posposti. Dwar dan, kien ġie rrappurtat li madwar 22,000 intervent mediku kellhom jiġu posposti minħabba l-Covid-19.
Fil-fatt, wara li l-isfida tal-pandemija bdiet tikkalma, il-Gvern kien ħaseb biex jidħol fi ftehim ma’ sptarijiet privati biex isiru aktar interventi fi żmien qasir. Aktar kmieni din is-sena kien ġie żvelat li fl-isptar privat ta’ St Thomas f’Ħal Qormi, kienu qed isiru medja ta’ bejn tmienja u għaxar operazzjonijiet kuljum, u b’hekk jinqdew aktar pazjenti.
Minn dan l-isptar, li qieghed jagħmel operazzjonijiet mit-Tnejn sas-Sibt, huwa maħsub li din is-sena se jsiru bejn 2,000 u 5,000 operazzjoni f’dan l-isptar biss, liema interventi jkunu qed isiru minn kirurgi tal-Isptar Mater Dei xorta waħda. Intant fl-Isptar Mater Dei, il-kirurgi qed jagħmlu wkoll operazzjonijiet fis-Sibtijiet u l-Ħdud ukoll.
Fost it-tip ta’ interventi li qed isiru fl-Isptar St Thomas, hemm dawk marbuta ma’ ġinekoloġija u kirurġija ġenerali u operazzjonijiet tal-qalb fost oħrajn.
Sa issa, jidher li l-Gvern qed jagħmel dak li jista’ biex jindirizza l-istennija twila għall-operazzjonijiet. Fl-2022 saru mas-60,500 operazzjoni, li tfisser żieda konsiderevoli minn 56,000 operazzjoni fl-2019 qabel il-pandemija. Dwar dan, id-Deputat Prim Ministru kien spjega wkoll li l-Gvern se jkun qed iżid il-kapaċità tiegħu biex isiru aktar operazzjonijiet, fosthom permezz ta’ żewġ swali ġodda fl-Isptar Vincent Moran f’Raħal Ġdid.