Hekk kif Ġunju huwa sinonimu mal-bidu tal-istaġun tas-sajf, fejn aktar nies saħansitra jibdew jimlew il-bajjiet u jinżlu jgħumu, fl-aħħar jiem ma kinitx okkażżjoni rari li l-Maltin iqumu għal sema griża u anke traxxix ta’ xita. Għalhekk, huwa normali li wieħed jistaqsi jekk dan it-temp hux effett ta’ tibdil fil-klima, anke meta wieħed jinnota l-estremitajiet tat-temp fil-pajjiżi ġirien ta’ Malta.
L-ILLUM għamlet kuntatt mal-Uffiċċju Metereoloġiku, li spjegat kif minkejja li din hija okkażżjoni li m’aħniex imdorrijin biha, ix-xita u l-maltemp mhumiex xi ħaġa rari għal Ġunju. Fil-fatt, hawn ġie nnutat li, “filwaqt li n-norma klimatika tax-xita għax-xahar ta’ Ġunju hija ta’ 6.0mm, jekk naqbdu dawn l-aħħar 30 sena naraw li Ġunju 2007 kien l-aktar wieħed imxarrab b’76.2mm xita, segwit minn Ġunju 2016 bi 32.8mm xita.”
Apparti minn hekk, l-Uffiċċju Metereoloġiku għamel referenza wkoll għall fatt li fl-aħħar 30 sena, kien hemm 12-il sena minnhom fejn ġew innutati maltempati bir-ragħad u s-sajjetti f’mill-inqas ġurnata waħda f’Ġunju. L-Uffiċċju Metereoloġiku żvela wkoll li sa issa, f’Ġunju ta’ din is-sena ġew imkejjlin 2.6mm ta’ xita fil-gżejjer Maltin minħabba ġurnata waħda ta’ maltemp bir-ragħad, u din il-kwantità ta’ xita hija waħda minima.
Din il-gazzetta staqsiet ukoll jekk dan it-temp mhux stabbli għandux x’jaqsam mat-tibdil fil-klima, iżda minħabba li huwa relattivament normali li jkollna x-xita u anke maltempati bir-ragħad f’Ġunju, ġie spjegat mill-Uffiċċju Metereoloġiku li f’dan il-każ, ma jidhirx li hemm konnessjoni diretta mal bidla fil-klima.
Grafika li ntbagħatet mill-Uffiċċju Metereoloġiku turi b’mod ċar li t-temperatura medja ta’ Ġunju f’dawn l-aħħar 30 sena tvarja bejn it-23°C u t-27°C, fejn is-sena l-oħra, ġiet innutata l-ogħla temperatura medja fix-xahar ta’ Ġunju fl-aħħar tliet deċċenji.
Bir-raġun, bosta kienu dawk imħassba li dan it-temp “relattivament normali” jfisser li t-temp se jkun affettwat fis-sajf ftit xhur oħra, iżda kelliema mill-Uffiċċju Metereoloġiku stqarret li għadu kmieni wisq biex wieħed ibassar kif se jkun it-temp għax-xhur tas sajf. Minkejja dan, wieħed jista’ jserraħ rasu li s-sajf li ġej se jkun wieħed tipiku Malti, hekk kif ġie spjegat li “It-temp instabbli li esperjenzajna fl-aħħar jiem huwa pjuttost normali għal dan il-perjodu tas-sena. Għaldaqstant, dan ma jindikax li qed nistennew xi temp barra min-norma għas-sajf li ġej.”
Tant hu hekk, li jidher li t-temperaturi se jibdew jogħlew għal-livell tas-sajf fil-jiem li ġejjin, hekk kif l-Uffiċċju Metereoloġiku qed ibassar temperaturi iżjed għoljin għall-bidu tal-ġimgħa li ġejja, filwaqt li qed jiġi mistenni li din it-tendenza se tkompli aktar kemm nersqu lejn ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu.