‘Il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet u bilkemm qed inlaħqu mad-domanda tad-demm’

Qatt tajt id-demm u staqsejt lilek innifsek x’sar minnu u fejn mar? L-ILLUM titlaqa’ mal-ħaddiema fi ħdan iċ-Ċentru tal-Għoti tad-demm u jispjegawlha l-proċess mill-bidu sal-aħħar minn meta d-donatur ipoġġi bilqegħda fuq is-siġġu sakemm il-prodotti tad-demm jingħataw lill-pazjent  

Qatt kellek bżonn tirċievi d-demm jew taf lil xi ħadd li kellu bżonn? Ħafna drabi nassumu li meta dak li jkun jagħti donazzjoni tad-demm, kemm jimla borża, din tingħata lill-pazjent u daqshekk. Iżda l-proċess huwa ferm aktar differenti u kumplikat minn hekk. Borza waħda tad-demm tgħaddi minn fażijiet differenti u ittestjar rigoruż biex jiġi żgurat li dak li se jingħata lill-pazjenti fil-bżonn, jingħata b’mod sew u mhux jikkawża aktar ħsara.  

Għaldaqstant il-gazzetta ILLUM tqatta’ ftit ħin mat-tim fi ħdan iċ-Ċentru tal-Għoti tad-demm mal-infermiera u ħaddiema tal-laboratorju fejn spjegaw il-proċess kollu li jgħaddi minnhu d-demm biex jingħata lill-pazjenti u fuq kif – litterlament – kull qatra tgħodd, hekk kif xejn ma jinħela.  

Kartolini mimlija gratitudni u mħabba
Kartolini mimlija gratitudni u mħabba

Ħajt mimli ringrazzjamenti  

Qabel xejn meta meta wieħed jidħol fil-binja, jiġi milqugħ minn kuritur mimli kartolini ta’ ringrazzjamenti minn pazjenti li kważi tilfu ħajjithom iżda permezz ta’ għoti tad-demm, irnexxielhom jgħixu.  

Fl-ewwel parti ta’ din l-intervista l-ILLUM iżżur iż-żona li fiha jittieħed id-demm u tiltaqa’ mal-infermiera Caroline Cassar. Cassar spjegat li kemm il-darba jirċievu kartolini ta’ ringrazzjament inkluż mill-President George Vella u mill-Arċisqof Scicluna. Għall-ħaddiema, li ħafna jagħżlu li jirringrazzawhom ta’ xogħolhom permezz ta’ kartolina sempliċi, temozzjonahom u jfisser ħafna sodisfazzjon. Apparti minn hekk qalet li lil dak li jkun tagħmillu l-kuraġġ meta jara li dak li se jagħmlu se tmur għal kawża ġusta.  

L-infermiera Caroline Cassar
L-infermiera Caroline Cassar

Cassar bdiet billi spjegat illi s-sistema tagħhom tagħti numru uniku lil kull persuna li tirreġistra li tagħti donazzjoni. Fl-istess waqt, apparti li d-donatur ikollu numru għalih, id-donazzjoni tad-demm ikollha numru ieħor addizzjonali. Fl-istess waqt, għalkemm la l-infermiera u lanqas il-persuni li jaħdmu fil-laboratorju ma jkunu jafu l-persuna min hi, xorta jkun hemm proċess ieħor fis-sistema li jitraċċa kull pass li ttieħed biex ingħata d-demm. Biex b’hekk għalkemm ikun hemm l-anonimità xorta waħda jkollhom l-informazzjoni fis-sistema, fil-każ li jkollhom bżonn jikkuntattjaw lill-persuna.  

‘Kull persuna li tagħti d-demm trid tqatta’ xi ħin fil-kafetterija, imqar jieħdu tazza ilma’  

Id-donazzjonijiet għalkemm hemm bżonn kbir tagħhom ma jaqbdux u jingħataw qisu xejn mhu xejn. Għalhekk meta persuna tirreġistra biex tkun donatur tgħaddi minn eżaminazzjonijiet u għadd ta’ mistoqsijiet biex ikun żgurat li l-persuna tkun f’qagħda ta’ saħħa tajba.  

“Importanti wkoll li dak li jkun, meta jkun se jagħti d-demm jippjana u jħalli l-ġurnata libera. Ġieli jkun hemm min jiġi fuqna u jgħidilna li wara li jagħtu d-demm se jmorru jaqilgħu d-dar. Aħna dejjem ngħidulhom biex ma jagħmlu xejn wara għax jistgħu iħossuhom ħażin,” qalet Cassar filwaqt li qalet li dan japplika speċjalment issa waqt ix-xhur sajfin.  

Apparti minn hekk qalet illi meta persuna tlesti mid-donazzjoni, li bejn wieħed u ieħor tieħu ftit inqas minn 10 minuti, iridu jqattgħu xi ħin fil-kafetterija biex l-infermiera jiżguraw li jinsabu tajbin. “Għalhekk għandna l-ħġieġ bejn kamra u oħra biex aħna żgur ma naqilgħux għajnejna minn fuqhom. Ikun hemm min jgħidlek li ma jkollux aptit jiekol, mhux problema. Però imqar żewġ tazzi ilma jridu joħduhom u jagħtu ċans ftit ħin jgħaddi,” spjegat Cassar.  

Mil-labra għal-laboratorju  

Wara li jinġabar kwantità ta’ boroż, dawn imorru mal-ewwel fil-laboratorju, ftit passi ‘l bogħod. Cassar ħaditna faċċata, mal-binja tal-Isptar San Luqa, li filwaqt li barra ma tantx jilqak, ġewwa huwa mgħammar b’teknoloġija avvanzata li tippreserva d-demm u l-prodotti li joħorġu minnhom.  

Hawn din il-gazzetta tiltaqa’ ma’ Kurt Dimech li wriena l-proċess kollu kif minn borża waħda tad-demm joħorġu żewġ boroż oħra.  

Dimech spjega illi d-demm li jingħata minn persuni, li huwa jirreferi għalih bħala ‘whole blood’, ma jingħatax kollu kif inhu lill-pazjenti. Waqt li qiegħed idawwarna fil-laboratrorju, jew aħjar “il-fabbrika tal-prodotti tad-demm”, spjega lill-ILLUM f’dettal kull rwol li għandhom il-magni speċjalizzati.  

Fl-ewwel istanza d-demm jgħaddi minn proċess li jiġi mħawwad. X’jiġifieri? Din il-magna partikolari tant tibda ċċaqlaq il-borża b’ritmu mgħaġġel illi tissperara d-demm fi tliet affarjiet separati li fid-dinja medika huma magħrufa bħala: il-plasma (l-ilma tad-demm), iċ-ċelloli l-ħomor u l-buffy coat (li fih ikun hemm iċ-ċelloli l-bojod u l-platelets).  

Minħabba l-fatt illi dawn it-tliet prodotti, f’dan l-istadju, jkunu għadhom f’borża waħda u ma jistgħux jiġu ikkontaminati hemm magna oħra illi tisseparahom f’żewġ boroż separati hi permezz ta’ pressjoni. Dawn il-boroż ikunu diġà mqabbda ma’ dik li fiha l-persuna tkun iddepożitat demmha fiha u għaldaqstant anke hawn id-demm ma jintmessx mill-bniedem, għaliex il-magna tkun qed tmexxi l-prodotti fil-boroż, lesti għall-istadju li jmiss.  

Dimech jispjega l-proċess li jgħaddi minnu d-demm fil-laboratorju
Dimech jispjega l-proċess li jgħaddi minnu d-demm fil-laboratorju

Fil-każ tal-prodott ‘buffy coat’ dan jibqa’ fil-borża originali li jgħaddi minn proċess ta’ iffiltrar ieħor biex jitneħħew iċ-ċelloli bojod. “Il-kit tad-demm ikollu wkoll għodda ta’ filtrazzjoni li jneħħi ċ-ċelloli l-bojod għaliex dan ma jistax jingħata lill-pazjenti, għax jistgħu jikkawżaw reazzjoni ħażina,” spjega Dimech.  

Enfasizza fuq dan il-proċess proprju għaliex kull prodott jibqa’ tajjeb għal ammont ta’ żmien speċifiku. “Permezz tas-separazzjoni qed tieħu l-aħjar li tista’ minn kull prodott. Il-platelets kull m’għandhom ‘ħajja’ huwa ħamest ijiem allura jekk tħalli d-demm sħiħ mingħajr ma jiġi separat, wara ħamest ijiem tista’ tarmih. B’din is-sistema, iċ-ċelloli l-ħomor nista’ nżommhom għal 42 jum filwaqt li l-plasma nista’ nżommha għal tliet snin,” kompla jispjega Dimech.  

Il-magna li tintuża biex jiġu separati l-prodotti
Il-magna li tintuża biex jiġu separati l-prodotti

Biex żgur ma tintremiex qatra ta’ demm, li jingħata b’tant ġenerożità tad-donatur, dan il-laboratorju jissepara l-prodotti wkoll f’boroż żgħar għat-trabi hekk kif dawn jiġu bżonn kwantità ferm inqas minn tal-kbar.  

Naturalment dawn iridu jinżammu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u hawn fejn jidħol proċess ieħor, dak tal-iffriżar.  

Il-plasma miġbura qabel ma tiġi iffriżata
Il-plasma miġbura qabel ma tiġi iffriżata
Il-plasma wara l-proċess tal-iffriżar
Il-plasma wara l-proċess tal-iffriżar

Il-plasma tiġi friżata f’kesħa ta’ -75°C. Meta dan il-prodott jgħaqqad jinżamm f’temperatura ta’ -25°C. “F’din it-temperatura nista’ nippreserva l-borża għal tliet snin. Jekk it-temperatura tinżel għal -20°C, sempliċement ħames gradi inqas, ikolli nużahom fi żmien tliet xhur, differenza enormi,” qal Dimech.  

Dimech qal li kull parti tal-prodott li jingħata huwa importanti għaliex ir-realtà hija li minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni, mhux qed ilaħħqu mad-domanda.  

Fl-aħħar parti ta’ din l-intervista Dimech ħa lil din il-gazzetta fil-post fejn jinżammu l-prodotti temporanjament sakemm jinġabru mill-uffiċjali tal-Isptar. Dimech spjega dwar il-mod ta’ kif dawn jingħataw tabelli li jkunu ta’ standard Ewropej.  

Dimech u Cassar spjegaw illi għalkemm Malta ma titrasportax demm barra minn pajjiżna, tagħmel tabelli bħal ċentri tal-għoti tad-demm Ewropej f’każ ta’ emerġenza kbira li fiha jew pajjiżna jew pajjiżi Ewropej ikollhom bżonn demm urġenti. “Hawn qed nitkellmu fuq każijiet kbar, bħal pereżempju gwerra,” qal Dimech.   

‘Fil-kampanja inkludejna wkoll nies li għandhom it-tpinġija, għax aħna lil kulħadd nilqgħu’ 

Cassar stqarret li filwaqt li waħda mir-rekwiżiti biex persuna tagħti d-demm huwa li tkun ilek erba’ xhur minn meta għamilt it-tpinġija jew li għamilt xi misluta, wara dan il-perjodu jistgħu jagħtu d-demm bħal kull persuna oħra.  

“Fil-fatt għalhekk fil-kampanja li nedejna inkludejna persuni bit-tpinġija biex nuru li naċċettaw lil kulħadd,” qalet Cassar.  

Hawn fakkret lill-ILLUM li apparti xogħolhom bħala infermiera, minn wara l-kwinti jkunu qed jitkellmu mal-Isptar biex jiżguraw li jkun hemm provvista fl-Isptarijiet, jibagħtu fuq il-midja soċjali kif ukoll jikkuntattjaw persuni li regolarment jagħtu d-demm. Ħidma, li kif rajna matul dan l-artiklu ma tiqafx.  

Mela jekk kellek xi dubju jekk għandekx tmur tagħti donazzjoni tad-demm, kun af li dak li int għandek l-għażla li tagħti, ħaddieħor qed jitkarrab għalih biex jgħix. U fuq kollox, jekk forsi qed tibża’ tagħmel dan il-pass tinkwieta xejn għax kull persuna li tidħol minn dawk il-bibien se tiġi trattata bi ħlewwa, kunfidenzjalità u b’ħafna għożża mill-infermiera. Kun eroj int ukoll, għax illum jien u għada int!  

More in Socjali