“Ninsabu mħassba dwar iż-żona, għalkemm hemm ftit li nistgħu nagħmlu dwarha.” Din kienet ir-risposta tas-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi dwar attivitajiet illegali u inkwetanti li qed iseħħu fiż-żona madwar pont fil-Marsa.
Fil-fatt, minn filmati li ġew ippubbikati fuq TikTok, jidher li r-resident li jgħix viċin il-pont, liema resident beda jippubblika dak li jsib viċin daru fuq il-midja soċjali, iddejjaq jgħix f’dawn il-kundizzjonijiet, u allura qasam is-sitwazzjoni tiegħu mal-pubbliku. Fost l-oħrajn, tidher mara tipprepara biex tinjetta d-droga f’idejha, u raġel rieqed fuq ċint u lift mimli żibel. Resident ieħor li tkellem mal-ILLUM esprima t-tħassib tiegħu. Qal illi minkejja li s-sitwazzjoni hija waħda inkwetanti, mhix xi ħaġa li bdiet mil-lum għal għada u din hija realtà fil-Marsa. Dan ir-raġel, li jgħix fil-qrib qal illi hu, bħala anzjan, ma jħossux komdu b’dak li qiegħed jiġri ftit metri ‘l bogħod minnu u li “kważi sirt tibża’ toħroġ.”
Kien għalhekk li l-ILLUM tkellmet mas-Sindku Josef Azzopardi fejn huwa wkoll esprima t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni ta’ dan il-pont li sewa mat-€3.5 miljun. Huwa stqarr li minkejja li dan il-pont ma jaqax taħt ir-responsabbilità tal-kunsill lokali, il-kunsill qed jagħmel dak kollu li jista’ sabiex iżomm lill-awtoritajiet aġġornati bl-iżviluppi li jkun hemm fuq dan il-pont.
Fil-fatt, Azzopardi spjega li minkejja li l-pont jinsab fil-Marsa, il-cameras tas-sigurtà jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Infrastructure Malta. Dan filwaqt li ż-żamma tal-indafa fil-post taqa’ taħt it-Taqsima tat-Tindif u l-Manutenzjoni. Huwa tkellem ukoll fuq il-fatt li kemm hu nnifsu u anke l-kunsill lokali jżommu kuntatt mal-Pulizija, fejn tkellem mal-Pulizija dwar l-istat tal-pont b’mod regolari.
Min-naħa tagħhom, f’kummenti lil din il-gazzetta, il-Pulizija stqarru li f’din iż-żona jsiru “rondi intensivi” 24 siegħa kuljum, kemm mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, tad-Distrett, kif ukoll mill-Pulizija għall-Komunità tal-Marsa.
Din is-sitwazzjoni tant eskalat illi saħansitra ġibdet l-attenzjoni ta’ politiċi. Fil-fatt, ftit jiem ilu fuq Facebook, id-deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, Darren Carabott, kiteb dwar l-istat ta’ dan il-pont, fejn appella għall-ħidma sabiex din iż-żona tinżamm waħda sigura. Min-naħa l-oħra, fi tweġiba għal mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta, Carabott stqarr li dan il-każ huwa sintomu ta’ problema aktar wiesgħa f’pajjiżna.
Fil-fatt, Carabott innota li l-Partit Nazzjonalista kien ippropona żieda fl-allokazzjoni finanzjarja għall-Gvernijiet Lokali sabiex dawn ikunu jistgħu jinvestu aktar fis-sigurtà u l-infurzar.
Dan anke sabiex, “b’ħidma mal-Pulizija jkun jista’ jsir infurzar fuq postijiet abbandunati jew perikolużi, jitwettqu kampanji edukattivi u rapporti ambjentali dwar postijiet magħrufa bħala hot spots għal reati kriminali,” jispjega Carabott. Apparti dan, huwa nnota li minkejja n-numru kbir ta’ awtoritajiet u entitajiet risponsabbli għal numur ta’ oqsma, “mhux qed ikun hemm koordinazzjoni u tqassim ta’ ħidma effettiva.”
Hawn, Darren Carabott reġa’ għamel appell sabiex il-kunsilli lokali jkunu aktar awtonomi, u b’hekk ikollhom is-saħħa sabiex jimplimentaw dak li hemm bżonn fil-lokalitajiet tagħhom, u jiżdiedu r-riżorsi tal-infurzar tal-liġi.
Intant ilbieraħ Carabott aġġorna illi l-uffiċjali tal-Community Police u diversi ħaddiema ħadu azzjoni. Minkejja dan sostna illi issa jrid jieqaf dan l-abbuż b’mod permanenti, “billi min qed imexxi d-droga f’dawn l-akwati isib l-id tal-ġustizzja. Nittama li l-persuni vittmi tad-droga jinstabu u jingħataw l-għajnuna.”