Il-Moviment Graffitti qed tqajjem mistoqsijiet dwar applikazzjonijiet ta' żvilupp ta' strutturi mifruxa fuq madwar 300 tomna ta' art agrikola fiż-żona tal-Marnisi f'Marsaxlokk.
Fi stqarrija fuq Facebook, ġie spjegat li madwar sentejn ilu, is-sidien tal-art bdew jitolbu ħlas għoli tal-art lill-bdiewa li kienu jaħdmu fiha, b'konsegwenza ta' dan tkun it-tluq tal-bdiewa minn din ir-raba'. Il-Moviment Graffitti spjega li dan sar qabel il-liġi riċenti dwar il-qbiela tar-raba', u b'hekk ma kinux protetti minn dan l-iżgumbrament.
"Iżda mhux il-bdiewa biss tilfu; aħna wkoll tlifna 300 tomna raba’, li lkoll nafu kemm hija imprezzabbli fil-kuntest tal-urbanizzazzjoni ta’ pajjiżna, tat-tibdil tal-klima, u fil-kuntest li pajjiżna aktar ma jmur aktar qed ikollu jistrieħ fuq l-importazzjoni tal-ikel," kompla jgħid il-moviment.
Fost l-applikazzjonijiet fiż-żona, applikant minnhom qed jippjana biex jibni erba' stalel, ieħor qed jitlob biex iwaqqa' struttura antika u jtella' oħra b'estensjoni "minuri" flimkien ma' stalla, u applikant ieħor. applika biex jibni serra u grada, fost numru ta' strutturi oħra.
Il-Moviment Graffitti ddeskriva dawn l-istrutturi fuq art li qiegħda 'il barra miż-żona tal-iżvilupp bħala "x’aktarx skuża biex din l-art tiġi kkundannata għall-iżvilupp b’mod gradwali - bħall-famuż "razzett għan-nagħaġ" fil-wied tal-Bidnija."
Huma temmu jgħidu kif huwa ta' tħassib li dawn l-applikazzjonijiet tfaċċaw kollha f'temp ta' ftit xhur. Hawn sar l-appell sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar tħares lejn dawn l-istrutturi b'mod ħolistiku, filwaqt li jibda infurzar serju sabiex manuvri bħal dawn jintemmu.