Nature Trust ħabbret li f'jum Santa Marija faqqsu l-bajd tal-fekieren li kienu jinsabu f'bejta fil-bajja tal-Ġnejna, f'dik li hija t-tieni bejta li tal-fkieren tal-baħar li faqqset f'dan l-istaġun.
Fuq Facebook, Nature Trust permezz tal-Wildlife Rescue Team, irringrazzjat lill-voluntiera tagħha għas-siegħat twal li għamlu jħarsu din il-bejta, kif ukoll l-uffiċċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għall-assistenza tagħhom meta faqsu l-bajd.
Hawn sar appell lis-sidien tad-dgħajjes li jiffrekwentaw din iż-żona sabiex ibaħħru bil-galbu fiż-żona tal-Ġnejna. L-għaqda appellat ukoll sabiex kull min iżur din il-bajja minn l-art kemm jista' jkun ma jużax dawl abjad, hekk kif jista' jagħti l-każ li l-fkieren żgħar li jkunu viċin l-art jimxu lura lejn l-art, fejn ikunu aktar vulnerabbli.
Nature Trust se tkun qed tkompli tħares din il-bajja għal xi ljieli oħra f'każ li l-fkieren jerġgħu jitiligħu fuq ir-ramel.
B'din l-aħbar, sa issa f'pajjiżna m'hawnx aktar bejtiet tal-fkieren magħrufin, hekk kif bajd tal-fekruna fil-bejta tar-Ramla l-Ħamra f'Għawdex faqqsu ftit jiem ilu.
Intant, Nature Trust tibqa' tappella sabiex jekk wieħed jinnota bejta jew anke fekkruna tiela’ mill-baħar għall-art, importanti li jċempel lil Nature Trust fuq 9999 9505 sabiex jiġu nies professjonali u jħarsu l-bejta.