Fl-aħħar ftit ġimgħat, tħares fejn tħares fuq il-midja soċjali u anke fit-toroq, il-pubbliku qed iqajjem aktar attenzjoni dwar l-ammont ta’ skart li wieħed jista’ jinnota madwar Malta, partikolarment f’żoni turistiċi.
Is-sitwazzjoni jidher li saret waħda drastika, tant li uħud qed jirrikorru għal miżuri drastiċi sabiex jindirizzaw il-problema serja ta’ żibel fuq il-bankini, fit-toroq u fil-kampanja. Fost in-nies li kellhom jieħdu azzjoni biex jimmitigaw din il-problema, għalkemm dan m’huwiex xogħolhom, kien hemm is-Sindku ta’ Ta’ Sliema John Pillow. Fuq il-midja soċjali, Pillow saħansitra deher jiġbor l-iskart minn mal-art u jieħdu lura għand min remih barra, sabiex juri kemm hi faċli li l-uffiċjali tal-infurzar jagħmlu xogħolhom.
Pillow, kif ukoll il-Membru Parlamentari Eve Borg Bonello, it-tnejn tellgħu filmati fuq il-paġni mal-midja soċjali rispettivi tagħhom sabiex juru diżapprovazzjoni lejn is-sitwazzjoni kurrenti, bil-filmat ta’ Borg Bonello saħansitra juri ġrieden fost munzelli ta’ żibel f’żoni urbani.
Intant, il-bogħod miż-żoni urbani, jidher li l-problema tibqa’ eżistenti, hekk kif l-għaqda Nadur Nadif ukoll ħarġet stqarrija sabiex tilmenta fuq l-ammont ta’ skart li qed ikun hemm fuq Kemmuna. Filwaqt li apprezzaw l-isforzi ta’ min inaddaf iż-żona sabiex jiprovaw iżommuha nadifa, saħqu li dawn mhux qed ilaħħqu mal-volum li qed jiġi prodott ta’ kuljum.
Din il-problema, għalkemm issa qed tiddomina bosta lokalitajiet madwar il-pajjiż, ġejja minn numru ta’ fatturi differenti li ilhom jakkumulaw għal żmien twil. Fosthom, wieħed jinnota li l-problema ta’ żibel mormi bl-addoċċ qed tgħolli rasha fix-xhur tas-sajf, b’mod speċjali f’żoni turistiċi. Dan żgur mhux forsi jorbot mal-fatt li bħalissa, waqt l-eqqel tal-istaġun turistiku, hawn eluf kbar ta’ persuni jgħixu f’Malta li ma jkunux f’pajjiżna f’xhur oħra.
Fil-fatt, ftit jiem ilu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien ħareġ stqarrija fejn intqal li nqabeż ir-rekord ta’ persuni li għamlu użu mill-ajruport, liema rekord inqtqabeż b’aktar minn 25,000 passiġġier. Apparti dan, kien ġie mbassar ukoll li f’jumejn minn Awwissu, l-ajruport kellu jara aktar minn 32,000 persuna f’kull jum.
L-impatt tat-turisti fuq din is-sitwazzjoni tista’ tiġi kkonfermata bil-każ ta’ Kemmuna, fejn tħabbar li din il-gżira, tiġġenera aktar minn elfejn borża taż-żibel kull ġimgħa fl-eqqel tas-sajf. Ikkonferma dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li fuq Facebook innota li l-Bajja ta’ Santa Maria u anke Blue Lagoon jitnaddfu tliet darbiet kuljum minn skart li jiġġeneraw kull min iżur din il-gżira protetta.
Minkejja din ir-realtà, tkun inġustizzja jekk wieħed jitkellem fuq il-problema tar-rimi ta’ skart bl-addoċċ u jsemmi biss it-turisti, hekk kif huwa fatt magħruf li l-Maltin għandhom tort ukoll f’din is-sitwazzjoni.
Xhieda ta’ dan huwa ż-żibel li wieħed isib mormi fl-għelieqi u fil-kampanja, apparti f’żoni residenzjali oħra. B’mod xokkanti, anke fil-belt kapitali ta’ pajjiżna jidher li m’hemx biżżejjed għaqal u infurzar fost ir-residenti, hekk kif fid-19 t’Awwissu, is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit wera ritratt ta’ ras ta’ ħanżir mormi f’borża taż-żibel imqatta fuq bankina.
Dan kollu qed iwassal għal numru ta’ problemi, fosthom marbuta mal-indafa, iżda wkoll problemi li għandhom x’jaqsmu ma’ pajjiżna bħala prodott turistiku li qed jitlef is-sbuħija tiegħu fost dawk li jżuruh. Fil-fatt, numru ta’ turisti wrew l-iskuntentizza tagħhom b’pajjiżna minħabba din il-problema permezz ta’ kummenti fuq pjattaformi tal-midja soċjali.
Dan ifisser li turisti prospettivi li jkunu qed jaħsbuha jqattgħux ħinhom f’Malta, ikunu jistgħu jaraw dawn il-kummenti, fejn fosthom hemm tgergir dwar l-indafa u l-volumi kbar ta’ nies.
Soluzzjoni ta’ din il-problema li sabet ruħha f’kull kantuniera tal-gżejjer Maltin hija l-infurzar effettiv, li apparti l-kampanji tal-edukazzjoni li kienu u għadhom għaddejjin, ikun hemm ukoll kastigi neċessarji għal min ma jimxix mar-regoli. Bħalissa, jidher li minkejja n-numru ta’ entitajiet inkarigati bl-infurzar tal-indafa, dan mhux biżżejjed.